Miktub minn CARMEN CACHIA
L-eżorċista Patri Elija Vella f’intervista ma’ inewsmalta jistqarr li fi 30 sena ministeru huwa ra ftit minn kollox tant, li ma jaħsibx li kien hemm esperjenzi ta’ dan it-tip li m’għaddhiex minnhom. Huwa qalilna li mhux f’kull każ ta’ possessjoni jkun hemm l-istess manifestazzjonijiet u li hemm differenza bejn possessjoni totali tal-bniedem u attakki mix-xitan. Patri Elija spjega li l-każijiet f’Malta huma ftit u li ħafna drabi l-persuni li jaħsbu li huma pposseduti, jirriżultalhom li dan ma jkunx il-każ. Flimkien nidħlu fid-dinja ta’ dan ir-reliġjuż li barra li hija impenjattiva u xi drabi riskjuża, naraw kif l-eżorċiżmu huwa għodda kruċjali li bih il-vittmi jkunu lliberati minn dan is-salib mogħti lilhom.
X’tip ta’ każijiet ikollna f’Malta u liema huma l-aktar frekwenti?
Il-parti l-kbira tal-każijiet f’Malta huma dawk li jimmanifestaw ruħhom bi vjolenza kbira ħafna. Fihom l-eżorċista jrid joqgħod attent minħabba li l-ispirtu jipprova jweġġa’ kemm lill-persuna, kif ukoll lili. Il-bdil ta’ vuċi jseħħ il-ħin kollu u mbagħad hemm dmijja u grif.
Darba kelli każ fejn qabel bdejt bl-eżorċiżmu t-tfajla waqgħet fl-art u mill-ewwel dehret bi grif b’sinjali sataniċi fuqha. Ma tkunx għamlithom hija. Darb’oħra kelli każ fejn il-vittma ġiet migrufa minn fuq s’isfel, qisu b’furketta. Hawn ġie mill-ewwel it-tabib fejn qalli li l-grif magħmul mill-bniedem jieħu ż-żmien biex ifieq imma jekk dan minn ġurnata għall-oħra jmur, allura hemmhekk mhuwiex naturali. Fil-fatt l-għada ġisimha kien pur.
Is-sintomi fihom infushom jgħidu u ma jgħidux. Meta persuna tintilef minn sensiha u tagħmel ċertu mossi jista’ jkun każ ta’ epilessija, jew skizzofrenija, jew isteriżmu. Dawn huma kollha l-istess sintomi imma meta tgħaqqad l-affarijiet flimkien, imbagħad tkun tista’ tasal għal djanjosi. Però, minn ħaġa waħda ma tistax tgħid jekk persuna hiex pposseduta jew le.
Persuna tkun aktar fil-periklu li tiġi pposseduta b’ċerti attivitajiet fosthom l-okkult u l-Ouija Board?
Kriterju fiss m’hemmx għax ix-xitan huwa kreattiv però jekk wieħed jidħol fl-għalqa tiegħu, hemmhekk ikun qiegħed jipperikola lilu nnifsu. Normalment l-għalqa tax-xitan huwa s-sataniżmu u hawn m’inix qiegħed ngħid li kull satanist huwa ppossedut, imma s-satanist huwa l-iżjed wieħed li jiftaħlu l-bieb.
Għandek ukoll l-okkult u l-ispiritiżmu. Dawn huma tliet għelieqi tax-xitan. Issa fl-ispiritiżmu tidħol il-Ouija Board fejn persuna tipprova tikkomunika mal-ispiriti. Hemm ukoll dak li nsejħulu n-New Age fejn isir “channeling”. Dawn jemmnu li wieħed jista’ joħloq kuntatt ma’ spirtu li għex pereżempju tliet elef sena ilu u li jista’ jagħtihom għerf ta’ kif imexxu lid-dinja llum il-ġurnata.
Persuna reliġjuża li ma tmissx ma’ dawn l-affarijiet, xorta tista’ tkun ipposseduta u attakkata mix-xitan?
Irridu nagħmlu daqsxejn ta’ differenza bejn attakk u possessjoni. Possessjoni hija meta x-xitan jippossjedi l-ġisem. Allura dan jippossjedi l-intelliġenza, il-memorja, l-emozzjonijiet u l-volontà tant li ma jkunux jafu x’inhuma jagħmlu. Il-ġisem ikun bħal qisu qoxra għax-xitan.
Fil-maġġoranza, dawk li jaħsbu li huma ipposseduti, fil-verità ma jkunux, imma jkunu attakkati. Mhux l-ewwel darba li kelli każi ta’ attakki fejn ix-xitan, b’xi mod jew ieħor, jattakka. L-attakki tiegħu normalment huma erbgħa: tnejn komuni ħafna u tnejn huma iżjed rari. L-ewwel attakk huwa t-tentazzjoni; it-tieni nsejħulu oppressjoni, fejn ix-xitan isib il-punt dgħajjef fil-persuna u jattakkaha bih. Kulħadd huwa xi ftit oppressat u jista’ jsib persuna tajba ħafna li forsi tgħir ftit u jkun proprju bl-għira li jattakkaha. Dan ikun attakk speċjali fuq dak li tbati bih bħal dawk li jbatu bir-rabja u/jew bil-biżgħa.
Ix-xitan isib punt dgħajjef fil-bniedem, li lkoll għandna, anke l-akbar qaddisin. Bit-talb imbagħad dak li jkun jgħin lilu nnifsu. Hemm il-lat psikoloġiku u l-lat spiritwali u bit-talb ikun hemm kontroll. Però l-attakk ikun hemm għax il-persuna għandha dgħjufija.
Imbagħad hemm tnejn li mhumiex daqstant komuni imma jeżistu. Hemm l-“infestation”, meta x-xitan jattakka l-affarijiet tal-persuna fosthom l-annimali, proprjetà u karozzi. Dan biex jattakka lil dak li jkun b’mod indirett. Ġieli għamilna eżorċiżmu fuq żiemel fejn is-sid jara bidla fl-annimal li f’viżta mal-veterinarji ma jsibulu xejn ħażin. Fil-fatt il-Knisja tagħmel dawn it-tip ta’ barkiet bħala protezzjoni.
Eżempju ta’ waħda mill-infestations li ma nistgħux insibu tarf tagħha hija dik tal-insetti fejn tiġina persuna u tgħidilna li fuq ħajt wieħed biss, timtela’ bl-insetti. Din tkun ġabet tas-sanità u lil kulħadd, iżda ma jsibux tarfhom. Ix-xitan juża xi ħaġa biex lilek ifixklek.
Imbagħad hemm din li nsejħulha “vexation” meta din id-darba x-xitan qiegħed jattakka minn barra. Pereżempju lil San Piju tal-Pjagi kien jidhirlu bħala kelb feroċi, selvaġġ u rrabjat biex ibeżżgħu. Fil-maġġoranza dawn ikunu illużjonijiet jew alluċinazzjonijiet però tista’ tkun ukoll realtà. Il-Mulej ma jagħtihx li jweġġgħu, imma li jbeżżgħu.
Fl-istorja kien hemm każi fejn tul il-lejl ma kienx iħallihom jorqdu bis-sodda titriegħed jew lożor jiġġebdu minn fuq dak li jkun jew xi ħadd jifgahom. Ma neskludux il-possibbiltà, imma l-probabbiltà hija li din tkun alluċinazzjoni. Fil-maġġoranza huma jħossuha reali imma jkun fil-moħħ. Jista’ jkun il-każ veru, imma diffiċli.
Irridu noqogħdu attenti u aħna meta jiġu għandna ma ngħaġġlux għal konklużjoni. Ngħidulhom li għandhom bżonn l-għajnuna u nitolbu lill-Mulej fuqhom. Jekk hemm xi ħaġa reali nitolbu lill-Mulej biex ineħħiha u jekk mhix reali u hija alluċinazzjoni, nitolbu wkoll biex din titneħħa. Dan għax kemm jekk huwa attakk, kif ukoll jekk hija alluċinazzjoni, it-tnejn ikunu qegħdin idejquk.
F’Malta għandna seba’ eżorċisti. Hemm xi raġuni għala għandna daqshekk?
Hawn Malta aħna ffortunati. Ix-xogħol tagħna ta’ eżorċisti mhuwiex biss biex inkeċċu lix-xjaten imma hija pjuttost kummissjoni b’kollaborazzjoni mal-Ministeru tas-Sataniżmu, Okkult u Spiritiżmu. Aħna ngħinu persuni f’diffikultajiet bħal dawn u biex inwasslu tagħrif fejn ħafna drabi tintuża l-midja u mmorru fl-iskejjel.
Bħala eżorċiżmi veri ma jkollniex xi kwantità. Forsi jkollna wieħed kull wieħed, jekk ikollna u dan f’perjodu ta’ sena. Però dan, bħal tabib. Tabib naturalment għandu l-każijiet terminali u dawk normali imma trid tibda minn taħt u dan huwa impenn full time. Min jiġi għax għandu magħmul u min għax għandu saħta, jew xi ħadd jgħid li qiegħed jara l-ispirti… Issa jekk dawn ikunux veri jew le, xorta waħda l-persuna għandha bżonn l-għajnuna.
Persuna li taħseb li għandha saħta jew magħmul għandha bżonn ta’ eżorċiżmu? Biżżejjed li din temmen, titlob jew tuża l-ilma mbierek biex iżomm l-ispirti ħżiena ‘l bogħod?
Kieku verament persuna tkun mgħallma, iva, ikun biżżejjed. Jiena għandi ilma u żejt eżorċizzat li nagħtuhom biex ibierku d-djar u ż-żejt għal fuqhom. Barra minnhekk, nagħtuhom santa b’talba speċjali kontra l-magħmul u kontra l-għajn ħażina. Ma jkunx hemm bżonn ta’ eżorċista f’dawn il-każi imma ħafna drabi, in-nies ikunu sempliċiment iridu ċertezza.
Huwa minnu li meta persuna tkun ipposseduta, din tibda titkellem lingwi differenti?
Fin-normalità, persuni pposseduti mix-xitan, jitkellmu l-lingwa tal-post. Però, imbagħad, f’ċerti mumenti jibdew jitkellmu lingwa oħra u hemm hekk tibda tinduna. F’każ minnhom kont Sqallija u f’daqqa waħda din bdiet titkellem bil-Malti, meta din il-Malti lanqas biss tafu. Darb’oħra fir-Repubblika Ċeka, persuna bdiet tkellimni bil-Latin iżda din qatt tgħallmitu. Barra minnhekk, il-leħen jinbidel kompletament ukoll.
Qatt bżajt għal ħajtek jew għal ħajjet ħaddieħor waqt li kont qiegħed tagħmel eżorċiżmu?
Fil-bidu kont nibża’ ħafna iżjed għax kont naf li kont qiegħed niġġieled ma’ xi ħadd b’qawwa ogħla minn tiegħi. Il-poter tiegħi ġej mill-Mulej. Il-bqija, il-poter u l-intelliġenza tiegħu hija wisq akbar minn tagħna.
Wara, il-biżgħa tibda tonqos imma dejjem nibqa’ nieħu l-prekawzjonijiet għax l-esperjenza waħdiha ma tiswiex. Dan għax ix-xitan, malli jinduna li qiegħed teħodlu t-tattika, mill-ewwel jibdilielek.
Qatt kellek każ fejn persuna tilfet ħajjitha?
Le. Allaħares, għax jekk jiġri hekk nispiċċa l-qorti u wara l-ħabs. Dan għax snin ilu kien hemm każ fil-Ġermanja u dwaru ħareġ il-film “The Exorcism of Emily Rose”. It-tfajla fl-istorja vera kien jisimha Michelle u jien għandi l-audio tas-saċerdot veru fil-każ.
Dan ġie akkużat fil-qorti li kkawża l-mewt tagħha iżda wara imħallef ieħor kiteb ktieb fejn qal li l-imħallef ta’ qablu ma kellu ebda dritt jagħmel ġudizzju fuq xi ħaġa spiritwali u li jemmen li t-tfajla mietet b’overdose ta’ pilloli li t-tobba kienu qegħdin jagħtuha. It-tobba kienu qegħdin jagħtuha l-pilloli iżda meta raw li mhumiex jaħdmu, dawn żiedulha ħafna d-doża. Però, il-pilloli ma kienux qegħdin jaħdmu għax il-problema ma kinitx medika. Hemmhekk inti tidħol f’ħafna inkwiet u għalhekk aħna nieħdu l-prekawzjonijiet tagħna.
Ħafna drabi meta jkun hemm eżorċiżmu noqogħdu attenti li l-persuna tkun marret għand psikjatra u/jew tabib. Pereżempju dan l-aħħar ċemplitli mara biex nagħmel ftit talb fuqha u naf li din tbati bl-ażma. Kien għalhekk li jien għidtilha biex l-ewwel tkellem tabib. Dan minħabba li jekk jagħtiha attakk tal-ażma waqt li jiena nkun qiegħed nitlob fuqha, jien x’se nagħmel? Iwaħħlu fija li l-attakk ta’ ażma seħħ għax qajjimt emozzjonijiet qawwija fiha waqt it-talb tiegħi. Għandna noqogħdu attenti.
Meta nistgħu, waqt eżorċiżmu jkollna tabib magħna imma dan mhux dejjem ikun possibbli. Li huwa żgur huwa, li meta naslu biex nagħmlu eżorċiżmu, lill-persuna nibagħtuha għand it-tabib u l-psikjatra biex jagħtuna l-go ahead. Jien anke jekk nara xi ħaġa waqt l-eżorċiżmu, inwaqqfu u ngħid lil persuna tikkonsulta ma’ tabib dwarha.
Aħna naħdmu mat-tobba fejn meta huma jagħmlu l-parti tagħhom imma t-trattament tagħhom ma ħadimx, imbagħad aħna nagħmlu l-parti tagħna.
Wara l-eżorċiżmu l-vittmi ta’ possessjoni u l-qraba jerġgħu jirritornaw għal ħajja normali?
Persuni li fuqhom isir eżorċiżmu jgħaddu minn perjodu ta’ konvalexxenza fejn jgħaddu anke minn mumenti ta’ ftit attakki wara. Huwa għalhekk li wara jkunu segwiti. Il-qraba wkoll jgħaddu minn trawma u dawn ikunu assistiti wkoll.
X’jiġri mix-xitan jew mill-ispirtu wara li joħroġ b’eżorċiżmu?
Aħna normalment ngħidu ‘oħroġ u mur twaħħal mas-salib ta’ Ġesù u jagħmel bik dak li jrid Hu’. Għax ix-xitan jipprova jerġa’ jidħol f’xi ħaġa oħra bħalma għandna fil-Vanġelu fejn kien imur pereżempju fil-ħnieżer. Li joħroġ u jmur f’xi ħadd ieħor ma tantx tiġri. Bl-ordni tibagħtu għand Ġesù biex Hu jiddeċiedi x’jiġri minnu. Mhux se niddeċiedi jien. Jien l-importanti huwa li joħroġ.
Ħafna jistaqsu: Għaliex Alla jippermetti dan?
Alla jippermetti dan għax aħna ninsabu fi stadju ta’ prova. Kieku Alla ma jippermettix il-ħażin, kieku aħna obbligati nħobbuh. Jekk jien obbligat inħobb, din mhix imħabba. Imħabba hija għax nista’ nħobbok u nista’ ma nħobbokx u qiegħed nagħżel li nħobbok. Din hija l-prova li l-Mulej jagħtina.
Fejn tidħol possessjoni, din hija salib u mhux dnub. Ħafna drabi meta nagħmel eżorċiżmu fuq persuna, din tmur tqerr qabel ma tibda s-sessjoni. Ma jqararhiex l-eżorċista għax ikun marbut bis-sigriet u ma jkunx jista’ jagħmel mistoqsijiet lix-xitan. Allura meta jkun se jsir l-eżorċiżmu l-persuna hija diġà magħquda ma’ Alla. M’hemmx possessjoni tar-ruħ, imma dik tal-ġisem.
Din tiġi salib u għalhekk kultant għandna każijiet ta’ nies tajbin ħafna li jkollhom perjodu ta’ possessjoni. Il-possessjoni hija s-salib li l-Mulej jagħti minflok marda jew inċident, għax kulħadd irid jgħaddi minn salib.
Hemm persuni li huma xettiċi u anke jgħidu li l-eżorċiżmu huwa kollu gideb. X’tgħidilhom persuni bħal dawn?
Jien ngħidilhom li jekk trid xi darba nistiednek tiġi tara l-eżorċiżmu. Imbagħad tibda temmen. Darba ġie wieħed fuqi u qalli li ma jemminx fix-xitan u jien irrispondejtu li, ‘int ma temminx fix-xitan iżda jien nemmen’. Jien ipproponejtlu biex nagħmel talba ħalli x-xitan idur dawra miegħu, għax jekk jew b’hekk ma jemminx fih, iżda dan ma qallix iva.
Għandek xi messaġġ għall-qarrejja u l-persuni hemm barra?
Ix-xitan huwa mibgħeda. Iwegħdek xi jwegħdek se jkollok tħallas il-prezz qares tiegħu. Ma jagħtik xejn ta’ b’xejn għax iħobbok. Ix-xitan jipprova jżiegħel bil-bniedem imma fil-verità, dan jobogħdu. Allura, tipprovax tilgħab miegħu u temmnux għax x’tista’ tieħu tajjeb minnu? Taħraq ħajtek. Tilgħabx, għax il-konsegwenzi mbagħad ikunu diffiċli biex tinqala’ minnhom.