Wednesday, February 25, 2026

MHUX LI TWIEGĦED IMMA LI TWETTAQ

Aqra wkoll

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-Partit Nazzjonalista laqqa’ Konvenzjoni Nazzjonali sabiex ifassal il-viżjoni tiegħu Malta ’l Quddiem, għal Malta tal-ġejjieni imsejsa fuq il-programm elettorali tiegħu għall-elezzjoni li jmiss. Din il-Konvenzjoni suppost kellha l-għan ukoll li tisma x’kellhom xi jgħidu l-imsieħba soċjali u organizazzjonijiet oħra. 

Għal din ’l hekk imsejħa konvenzjoni stiednu jiġu pajjiżna politiċi barranin fosthom is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Popolari Ewropew li kellha l-ardir li fid-diskors tagħha tmaqdar lil pajjiżna u sejħitlu fabbrika tal-faqar.

F’pajjiż demokratiku bħalma huwa pajjiżna, huwa aċċettabbli li partit politiku jistieden politiċi minn pajjiżi oħra għall-attivitajiet tiegħu iżda mhu aċċettabbli qatt, jew b’xi mod ġustifikat li dawn l-istess politiċi barranin jinfexxu f’diskorsi ta’ disprezz lejn il-pajjiż li jkun qed jospitahom. Iktar u iktar jekk dak li jistqarru ma jkunx għajr qerq u gideb sfaċċat intenzjonat li jagħmel ħsara.

Imma aktar minn hekk, fejn wasslet il-konvenzjoni tal-PN? Għad irridu naraw. Anki jekk il-PN jiftaħar ta’ spiss li l-proposti u l-ideat li jressaq huma oriġinali, innovattivi u motivati, b’danakollu la jgħid kif se jwettaqhom u wisq inqas kif se jiffinanzjahom. Faċli li bil-kliem tgħid u tipproponi ħafna affarijiet iżda l-prova hi meta tiġi għar-realtà tal-fatti.

Il-Kap tal-PN innifsu, Alex Borg, semma li fl-ewwel mitt jum minn meta jsir prim ministru jibda x-xogħol fuq proġett tat-trasport tal-massa. Iżda ħalla lil kulħadd fil-għama dwar xi kwalità ta’ trasport tal-massa se jkun. Bħal donnu nesa li proġett ta’ dik il-portata jirrikjedi konsultazzjoni wiesa’ mhux biss ma’ dawk interessati imma wkoll mas-setturi kollha tas-soċjetà.

Minkejja din ir-retorika kollha, Borg lanqas ma ppreżenta riċerki u wisq inqas studji li juru kif tali proġett għandu jsir. Lanqas ukoll ma semma’ liema sistema ta’ trasport tal-massa kien se jmur għaliha. 

Filwaqt li nifhmu li dan il-proġett – jagħmlu min jagħmlu – għandu l-intenzjoni li jtaffi sew it-traffiku fil-gżejjer Maltin, wieħed irid iżomm f’moħħu li dan huwa proġett li mhux se jsir mil-lum għal għada u għalhekk jeħtieġu studji u anke xogħlijiet estensivi li jieħdu s-snin biex jitlestew. 

B’kuntrarju għall-Partit Nazzjonalista, il-Gvern preżenti kkonsulta bis-sħiħ mas-setturi kollha tal-poplu qabel fassal il-Viżjoni Malta 2050 li mistennija titnieda din il-ġimgħa. Viżjoni li se tfisser bidliet pożittivi tanġibbli għall-poplu Malti u Għawdxi. Bidliet li se jolqtu lill-faxex kollha tas-soċjetà.

Il-General Workers’ Union lura fl-2008 kienet minn tal-ewwel li semmiet il-ħtieġa li Malta jkollha viżjoni ħolistika nazzjonali li tħares fit-tul. Dan għaliex emmnet il-ħtieġa li pajjiżna jkollu viżjoni ta’ fejn irid imur u kif se jasal f’dik id-destinazzjoni.

Il-Viżjoni Malta 2050 mhux biss hija viżjoni imma hija wkoll strateġija u sforz kollettiv lejn fejn il-Gvern irid iwassal lil dan il-pajjiż fl-aspetti kollha tal-ħajja tal-poplu. Dan se jagħmlu bi pjanijiet li għad iridu jiġu implimentati flimkien ma’ oħrajn li diġà bdejna naraw it-twettieq tagħhom fl-oqsma diġitali, soċjali u ekonomiċi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport