Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ddikjara li mhux minnu li l-Gvern qiegħed jipprova b’xi mod idaħħal xi taxxa fuq il-prezzijiet tal-mediċini. Huwa stqarr dan b’reazzjoni għal stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista dwar il-prezzijiet tal-mediċini.
Il-Ministru Abela nnota kif għal darb’oħra, il-PN qed jitratta l-materja tal-mediċini, li hi daqshekk sensittiva, b’mod mill-aktar partiġġjan. Spjega li l-Awtorità tal-Mediċini hi dik l-awtorità li tiggarantixxi li f’pajjiżna jidħlu biss mediċini u tagħmir mediku li huwa ta’ kwalità għolja, ta’ kwalità sigura, li se jgħinu lill-pazjent.
Il-Ministru Abela kompla jgħid li dan l-aħħar l-Awtorità żiedet it-tariffi tagħha fuq ir-reġistrazzjonijiet iżda mhux fuq il-prezzijiet tal-mediċini. Qal li l-Awtorità għamlet dan wara li kkonsultat ma’ diversi importaturi.
“Bħala Ministru ili diversi jiem nitħaddet mal-Awtorità, li hi awtonoma, kif ukoll ma’ diversi importaturi biex inġibu konċiljazzjoni u f’pajjiżna jkollna mediċini u tagħmir mediku ta’ kwalità tajba mingħajr il-konsumatur ma jkollu jħallas iktar. Hekk issir il-politika bl-interess nazzjonali li jiġi l-ewwel, li ġġib il-pazjent l-ewwel,” temm jgħid il-Ministru Abela.


