Tuesday, April 30, 2024

Mhux minnu li l-istatus tal-belt kapitali bħala sit ta’ patrimonju dinji tal-UNESCO qiegħed f’riskju

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali jiċħad rapporti li dehru f’sezzjoni tal-midja li ġew imbagħad riprodotti fuq siti tal-aħbarijiet barranin li jallegaw li t-titlu tal-Belt Valletta bħala sit ta’ patrimonju dinji tal-UNESCO jinsab mhedded.

Il-Ministeru jiċħad ukoll l-allegazzjoni li l-Gvern Malti naqas milli jwettaq ix-xogħol meħtieġ biex dan it-titlu prestiġjuż ikun ippreservat.

Matul din il-leġislatura l-Gvern ħatar grupp ta’ esperti, inkluż ‘site manager’ kif mitlub mill-Konvenzjoni, biex saret il-ħidma meħtieġa biex jitfassal ‘management plan’, kif ukoll rapporti tekniċi oħra, kif mitlub mill-UNESCO. Dan ix-xogħol, li kien jinvolvi bosta laqgħat ta’ konsultazzjoni, riċerka fuq is-sit u ta’ letteratura marbuta mal-qasam, tlesta u bħalissa jinsab fl-istadju ta’ approvazzjoni mill-istrutturi nazzjonali qabel ma jingħadda lill-UNESCO.

Irid jingħad li l-bżonn ta’ dawn ir-rapporti mhuwiex uniku għall-Belt Valletta, imma għal kull sit meqjus bħala patrimonju dinji mill-UNESCO. Barra minn hekk, irid jingħad ukoll li matul din is-sena lill-UNESCO ntbagħtilha ‘state of conservation report’ u l-‘periodic reporting’ mitluba minnha u t-tnejn li huma kienu adottati mill-organizzazzjoni dinjija.

Mhuwiex minnu li fil-laqgħa tal-World Heritage Committee f’Rijad, fis-Sawdi Arabja jew f’xi waqt ieħor, il-Belt Valletta tqiegħdet, jew kienet ikkunsidrata biex titqiegħed, fost is-siti li jinsabu f’riskju li jitteħdilhom l-istatus ta’ patrimonju dinji.

Anzi, l-UNESCO rrikonoxxiet fost oħrajn ix-xogħol li sar speċjalment fil-konservazzjoni u r-restawr fuq binjiet fil-Belt matul l-aħħar snin u dwar l-istudji u xogħol ieħor tekniku li sar. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-World Heritage Committee huma pubbliċi u wieħed jista’ jarahom billi jidħol fuq https://whc.unesco.org/archive/2023/whc23-45com-7B.Add2-en.pdf u https://whc.unesco.org/en/sessions/45COM/documents.

Il-Gvern Malti għandu relazzjonijiet miftuħa u b’saħħithom mal-UNESCO. Kien u se jkun dejjem dispost li jwettaq kwalunkwe studji, pjani u dokumentazzjoni li jintalbu biex inkomplu nsaħħu l-patrimonju tal-belt kapitali ta’ pajjiżna.

Il-Gvern huwa kburi bl-istatus li għandha l-Belt Valletta u se jkompli jaħdem biex dan l-istatus iservi ta’ għodda biex mhux biss jikber l-għarfien u l-apprezzament tal-Belt Valletta, imma wkoll biex din tkun imħarsa u msebbħa fl-interess tal-poplu Malti b’mod ġenerali, u tal-komunità Beltija b’mod partikolari.

Sport