Sunday, June 8, 2025

“Mhux neskludi li fis-sigħat li ġejjin  jibda proċess ġudizzjarju biex din l-art tingħata lura lin-nies”

-il-Prim Ministru Robert Abela dwar Manoel Island

Aqra wkoll

“Fis-sigħat li ġejjin mhux neskludi li jibda proċess ġudizzjarju biex din l-art tingħata lura lin-nies. Din il-ħolma ta’ proġett ta’ park nazzjonali tista’ tintrebaħ flimkien, u qal li m’għandux jitħallas kumpens ta’ eluf ta’ ewro mit-taxxi tal-poplu biex jingħata kumpens lill-ispekulaturi” 

Dan iddikjarah il-Prim Ministru Robert Abela dalgħodu f’intervista fuq ONE, fejn irrimarka li hemm obbligi legali u morali li jridu jitħarsu mill-Gvern u għalhekk din il-kwistjoni trid tiġi trattata bil-galbu. B’referenza għall-Partit Nazzjonalista, hu qal hekk; “Kien Gvern Nazzjonalista li fis-sena 2000 ta konċessjoni bi ftit flus lill-konsorzju MIDI għall-iżvilupp ta’ Tigne Point u Manoel Island. F’Tigne Point kulħadd jaf xi sfreġju ambjentali sar u qal li Gvern Nazzjonalista flok insista mal-iżviluppaturi biex jibnu skont dak li kien maqbul, ħallewhom jibnu bl-addoċċ”. 

Dwar l-ambjent, enfasizza li sar ħafna xogħol, u semma l-proġett ta’ Sant’Antnin li minn impjant tal-iskart se jinbidel f’park għall-familji f’Marsaskala biex jitgawda mill-familji bħalma sar f’postijiet oħra fosthom Ġnien tal-Glażiż fil-Birgu, il-Park ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar u f’Wied Fulija li kienet miżbla.

 Irrefera wkoll għat-titjib fil-kwalità tal-arja fl-inħawi tal-Port il-Kbir bit-tnaqqis tal-emissjonijiet b’90% permezz tal-proġett ta’ shore-to-ship, li ġie estiż anke fil-Port Ħieles.  Dwar il-ġenerazzjoni tal-enerġija, Dr Abela qal li sal-2026 se jkollna t-tieni interconnector u qed isir xogħol fuq il-proġett tat-turbini tar-riħ. Fl-immaniġġjar tal-iskart, Dr Abela qal li mill-iskart se tinħoloq l-enerġija f’art li kienet miżbla.

Abela qal li l-Gvern irid jibqa’ ffukat fuq il-ħidma li għad trid issir, bil-għan li jiġu ndirizzati l-isfidi li għandu l-pajjiż.  Dr Abela qal li l-Gvern irid ikompli jwettaq it-30% tal-manifest elettorali bil-għan li jagħmel differenza fil-kwalità tal-ħajja tan-nies. Ħabbar li l-Kabinett għadu kif iddeċieda li jestendi t-tax credit ta’ €750 f’għotja lill-ġenituri ta’ tfal b’diżabilità li d-dħul tagħhom mhux taxxabbli biex ikopru l-ispejjeż għat-terapija t’uliedhom. Spjega kif it-tkabbir ekonomiku u t-tnaqqis tad-defiċit huwa importanti, iżda sostna li s-suċċess għandu jitkejjel bil-wellbeing.  Qal li x-xogħol Gvern Laburista huwa li jkun ta’ spalla u wens għal min huwa fil-bżonn f’mumenti ta’ sfida.

Mistoqsi dwar l-investiment, il-Prim Ministru qal li pajjiżna qed joħloq karrieri ta’ kwalità, u semma l-inawgurazzjoni tal-espansjoni ta’ żewġ kumpaniji – Trelleborg u Falcon Aviation.  Spjega kif kumpaniji bħal dawn qed jattiraw ħaddiema Maltin b’pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin.

 Dwar iż-żgħażagħ qal li filwaqt li l-Partit Nazzjonalista qed jgħid li jridu jitilqu mill-pajjiż, madanakollu l-istħarriġ L-Istat tan-Nazzjon juri bil-kontra.  Qal li dan l-istħarriġ juri wkoll li tliet kwarti tal-Maltin huma kuntenti b’ħajjithom, u sostna li l-Gvern se jara fejn iktar irid jiffoka ħidmietu biex jindirizza l-ħtiġijiet ta’ kulħadd.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport