Saturday, November 9, 2024

“Mhux politika ta’ Father Christmas iqassam ir-rigali hemm bżonn imma solidarjetà soċjali” – ADPD

Aqra wkoll

“F’dan il-mument kritiku mhux tqassim ta’ rigali hemm bżonn iżda għajnuna: mhux politika ta’ Father Christmas iqassam ir-rigali imma solidarjetà soċjali, reali u iffukata fuq min għandu bżonn.”   Dan qalu Carmel Cacopardo, Chairperson ta’ ADPD – The Green Party waqt li kien qed jindirizza konferenza stampa fi Pjazza Reggie Miller il-Fgura dalgħodu.

Il-Kandidat ta’ ADPD Brian Decelis qal li n-nefqa ta’ €70m li tħabbret mill-Gvern din il-ġimgħa ftit tagħmel distinzjoni bejn dawk li l-aktar għandhom bżonn u oħrajn.

Huwa qal: “Il-Gvern hu għaldaqstant żbaljat li flok ma jiffoka l-għajnuna fuq min verament għandu l-ħtieġa tal-għajnuna jifrex ir-riżorsi limitati tal-pajjiż fuq kulħadd: jekk se jagħmel hekk, fil-prattika ma jkun qiegħed jgħin lil ħadd. Ikun biss eżerċiżżju propagandistiku ta’ lejliet l-elezzjoni intenzjonat biss biex kulħadd “jieħu xi ħaġa”.”

Cacopardo qal li dan l-iżball li jifrex l-għajnuna fuq kulħadd, inkluż fuq min m’għandux bżonn, iwassal għall-isparpaljar tar-riżorsi tal-pajjiż kif diġà qed jiġri f’oqsma oħra.

Huwa qal: “F’dan il-mument kritiku mhux tqassim tar-rigali hemm bżonn iżda għajnuna ta’ vera: mhux politika ta’ Father Christmas iqassam ir-rigali imma solidarjetà soċjali, reali, iffukata fuq min għandu bżonn.”

Żied jgħid: “Huwa tajjeb li fiċ-ċirkustanzi tal-lum ikun sussidjat il-konsum bażiku tal-elettriku: imma hu ħażin li dan is-sussidju jkun mifrux “across the board”. Ikun xieraq jekk min jikkonsma iżżejjed iħallas ta’ dak li qed jikkonsma mingħajr ma jibbenefika minn sussidju. Dan jgħodd ukoll għall-petrol u għad-diesel. Ir-riżorsi tagħna bħala pajjiż huma limitati. Jagħmel għaldaqstant sens li l-għajnuna tkun iffukata fejn hemm il-ħtieġa u mhux tkun mifruxa.”

“Flok politika li tqassam hemm ħtieġa ta’ politika li tgħin lil min verament għandu bżonn, politika ta’ solidarjetà soċjali mhux politika ta’ Father Christmas,” temm jgħid Cacopardo.

Sport