Mara Franċiża li waqfet milli tagħmel is-sess ma’ żewġha rebħet kawża tal-appell fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem hekk kif fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li l-mara ma tistax tinżamm responsabbli għat-tkissir taż-żwieġ.
Il-Qorti Ewropea qalet li l-mara ta’ 69 sena kellha kull dritt li tieqaf tagħmel is-sess ma’ żewġha u din ir-raġuni mhix konsidrata li wieħed jieħu d-divorzju u jerfa’ r-responsabbilità tat-tkissir taż-żwieġ.
Id-deċiżjoni tal-Qorti sabet lill-Qorti Franċiża li kisret id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, ma rrispettatx il-privatezza tal-ħajja tal-familja skont il-liġijiet Ewropea. Konsegwenza ta’ dan, il-mara u r-raġel ilhom għaddejjin bil-qorti għal dawn l-aħħar għaxar snin.
Il-mara li ġie dentifikata bħala Ms H.W, laqgħet din is-sentenza b’sodisfazzjon kbira fejn qalet li dan hu pass ieħor ‘il quddiem biex tieqaf il-kultura ta’ abbuż sesswali bl-iskuża li la inti miżżewġa bilfors trid tagħmel is-sess ma’ żewġek.
Minħabba din is-sentenza qamet kontroversja kbira madwar il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Lilia Mhissen, l-avukata tal-mara qalet li b’din id-deċiżjoni tkisser għalkollox il-kunċett li l-mara għandha d-dmir li tagħmel is-sess ma’ żewġha.
Il-mara li tgħix f’Le Chesnay qrib il-kapitali Pariġi kienet iżżewġet lir-raġel tagħha fl-1984 u minn dak iż-żwieġ kellhom erbat itfal. Waħda minnhom għandha diżabbilità u l-mara tieħu dejjem ħsiebha hi.
Il-ħajja taż-żwieġ bdiet tmur dejjem lura wara t-twelid tal-ewwel wild fl-1992 meta l-mara kellha problemi ta’ saħħa. Wara dan iż-żmien huma kellhom 3 itfal oħrajn. Kien fl-2002 meta r-raġel beda jabbuża kemm fiżikament u anke verbalment u wara sentejn tissaporti dan kollu, il-mara ddeċidiet li ma tagħmilx aktar sess miegħu.
Kien fl-2012 meta l-mara bdiet il-kawża għad-divorzju
Fl-2019, Qorti f’Versailles ċaħdet it-talbiet tal-mara u qalet li kienet hi li kellha ġġorr ir-responsabbilità tat-tkissir taż-żwieġ minħabba li r-raġel ħassu frustrat mingħajr sess. Hi kienet appellat minn din is-sentenza u l-Qorti ta’ Cassation, l-ogħla qorti fi Franza lanqas aċċettat l-appell mingħajr ma tat raġuni.
Kien għalhekk li fl-2021 hi fetħet każ quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. Fil-kawża tagħha qalet li l-liġi Franċiża qiegħda tinjora għal kollox li minkejja li koppja jkunu miżżewġin xorta waħda jrid ikun hemm il-kunsens biex ikollhom x’jaqsmu flimkien.
Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li meta wieħed jaqbel li jiżżewweġ ma jkunx qiegħed jaqbel li fil-preżent u anke fil-futur bilfors irid ikun hemm is-sess bejniethom. Anzi l-Qorti tgħid li dan jista’ jkun każ serju ħafna fejn xi ħadd mill-koppja jispiċċa b’abbuż sesswali.
Membri Parlamentari Franċiżi qegħdin jistudjaw din is-sentenza fejn jista’ jkun li jinbidlu l-liġijiet fejn anke fiż-żwieġ jekk parti ma tkunx trid tagħmel is-sess u tiġi sfurzata dak jitqies bħala abbuż sesswali u jittieħdu passi kriminali.