Rigward Steward, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne fil-parlament qal li skont dak li qal id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia fid-diskors tiegħu, li kien għall-Oppożizzjoni l-gvern ma jagħtix il-fondi li skontu jammontaw għal €70 miljun.
Fearne sostna li dawn il-fondi jmorru għall-pagi tat-tobba f’Għawdex, għand l-infermiera, għand l-ispiżjara, għand ir-radjografi, għand in-nies li jaħdmu fil-laboratorji u dawk li jaħdmu fl-emerġenza fost l-oħrajn.
“Li kien għall-Oppożizzjoni s-servizz tas-saħħa f’Għawdex jieqaf. Mhux qiegħed ngħid dan biex niddefendi xi obbligu li għandu jagħtina Steward u ma tahx. Jien mingħand Steward Healthcare nistenna li dak kollu li huma obbligati li jagħtu lill-pazjent skont il-konċessjoni li daħlu fiha jridu jagħtuh u jagħtuh kollu kemm hu. Jekk le rridu naraw dik il-konsegwenza wkoll. Huwa ċar li dak kollu li Steward huwa obbligat li jagħti jrid jagħtih u mhux se nċedu l-ebda pulzier, imma dak li l-gvern huwa obbligat li jagħtih se jagħtih għax il-kuntratti għalhekk isiru”, saħaq id-Deputat Prim Ministru.