Monday, February 2, 2026

“Mhux se nħallu d-Diġitalizzazzjoni tkun skuża għal prekarjat ġdid”

– Kevin Abela – Segretarju Internazzjonali

Aqra wkoll

Id-dinja tax-xogħol qed tinbidel b’rata mgħaġġla. Id-diġitizzazzjoni qed toħloq mudelli ġodda ta’ mpjiegi li joffru flessibbiltà, iżda li fl-istess ħin iġibu magħhom inċertezza kbira,” qal Kevin Abela, li nħatar fil-kariga ta’ Segretarju Internazzjonali fil-Kungress Nazzjonali tal-General Workers’ Union, wara li kien iservi bħala Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel.

Hu saħaq li wieħed mill-akbar uġigħ ta’ ras huwa x-xogħol tal-pjattaforma (platform work), u huwa d-dmir li flimkien mas-Segretarji l-oħra jassiguraw li kull min jaħdem permezz ta’ app jew sit diġitali ma jiġix trattat bħala sempliċi numru f’algoritmu, iżda bħala ħaddiem bi drittijiet sħaħ, protezzjoni soċjali u pagi ġusti.

Sostna li bħala membru ġdid fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (EESC), se jkun qed jaħdem mill-qrib fuq id-Direttivi Ewropej li jirregolaw dan is-settur. 

“Il-preżenza tagħna fi Brussell hija kruċjali biex nassiguraw li d-dritt għad-diskonnessjoni u l-użu etiku tal-intelliġenza artifiċjali fuq il-post tax-xogħol isiru realtà għall-ħaddiema Maltin. Mhux se nħallu d-diġitalizzazzjoni tkun skuża għal prekarjat ġdid,” qal is-Segretarju Abela.

Temm jgħid li permezz tal-irwol ġdid tiegħu, se jkompli jimbotta biex il-leġiżlazzjoni Ewropea tipproteġi lill-aktar vulnerabbli u toffri serħan il-moħħ lill-familji tagħna f’din l-ekonomija ġdida.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport