Saturday, December 21, 2024

“Mhux se nħallu lill-PN joħonqu l-ħidma ta’ dan il-Gvern”

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul

Aqra wkoll

“Kien dan il-Gvern li ħoloq strutturi bħall-Kummissarju għall-Istandards. Iżda l-Partit Nazzjonalista u sħabu jridu jużawhom biex mingħalihom joħonqu l-ħidma tagħna. Mhux se nħalluhom.”

Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul b’reazzjoni għall-ilment li ppreżentaw id-Deputati Nazzjonalisti Karol Aquilina u Ivan Castillo quddiem il-Kummissarju għall-Istandards b’rabta ma’ riklam li fih kien jidher l-istess Segretarju Parlamentari.

Fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook, Dr Ellul saħaq li bl-azzjonijiet tagħha, l-Oppożizzjoni mingħaliha trid tneħħi d-dritt ta’ dan il-Gvern, bl-ikbar mandat fl-istorja, li jmexxi l-pajjiż. Qal li dan rajnieh ukoll it-Tnejn li għadda meta lanqas riedet tħalli l-Gvern jonora l-obbligu tiegħu li jagħmel stqarrija ministerjali fil-parlament.

Dr Ellul żied li l-iskuża li ġabet issa l-oppożizzjoni hi għax hu deher fil-filmat tat-tnedija tal-Premju Nazzjonali tal-Ħaddiema tas-Sena fuq il-paġna Djalogu Soċjali, li fih qed iħeġġu sabiex jiġu nominati nies għal dan il-premju sabiex tkun rikonoxxuta l-bżulija tal-ħaddiema Maltin minn kull qasam tal-ħajja.

Is-Segretarju Parlamentari Ellul iżda qal li mhux se jħallu lill-PN joħonqu l-ħidma ta’ dan il-Gvern u tenna jgħid li: “Ħidmietna se tibqa’ għaddejja b’saħħa f’kull settur, man-nies u viċin in-nies.”

Ekonomija

Sport