“Min ħaseb li se niċħad il-prinċipji tiegħi Laburisti sejjer żbaljat. Laburist kont, għadni u nibqa’.” Hekk iddikjara d-Deputat Laburista Silvio Parnis f’post li tefa’ fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook.
F’intervista ma’ dan il-ġurnal wara r-reshuffle tal-Kabinett, Parnis, li kien jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Parlamentari responsabbli mill-anzjani u l-persuni b’diżabilità, kien iddikjara li l-karriera politika tiegħu spiċċat u li mhux beħsiebu jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Madanakollu, għalkemm tneħħa mill-Kabinett, huwa għamilha ċara li se jibqa’ jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-Partit Laburista.
F’kummenti li ta lill-ġurnalisti, il-Prim Ministru Robert Abela kien iddeskriva lil Parnis bħala persuna b’qalb kbira u li baqa’ qrib in-nies. Qal ukoll li Parnis kien qed jagħmel biċċa xogħol tajba imma ried jeleva l-anzjani u l-anzjanità attiva għal-livell Ministerjali.