Sunday, November 24, 2024

Mhux sostenibbli li ħaddiem jibqa’ jieħu salarju sa 10 snin wara l-età ta’ rtirar kmieni

Il-Ministru Clyde Caruana fil-parlament dwar ftehimiet kollettivi tal-Air Malta li saru fil-passat

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt l-estimi tal-budget 2023 b’rabta mal-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol, il-Ministru Clyde Caruana kien ċar u qal li qiegħed jagħti ħafna mill-ħin tiegħu biex jara kif il-problemi li nġemgħu matul is-snin fejn tidħol l-Air Malta, jiġu indirizzati għax il-pajjiż irid jibqa’ jkollu linja nazzjonali tal-ajru. Spjega li l-kumpanija tal-ajru waslet fi tmiem ta’ proċess li tlesti studju dettaljat li eventwalment jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea biex tiġi stabbilità t-triq ’l quddiem. 

Huwa qal li tajjeb li poplu jkun jaf min sallab lil din il-linja tal-ajru u għalhekk ikkwota numru ta’ ftehimiet kollettivi. Huwa kkwota ftehim kollettiv iffirmat fis-17 ta’ Lulju 2009 fejn f’paġna 37 hemm l-iskema tal-irtirat kmieni għall-Cabin Crew. Huwa kkwota ftehim kollettiv ieħor iffirmat fl-1 t’Ottubru tal-2012 fejn l-istess skema ġiet estiża għall-Piloti. Huwa qal li dawn il-ftehimiet iffirmati se jiswew lill-pajjiż mal-€100 miljun biex jiġu onorati. Huwa kkonferma li biex jirriforma l-linja tal-ajru se jkun qiegħed ineħħi tali klawsoli, iżda l-obbligi jridu jiġu onorati u għalhekk bir-raġun dawn in-nies se jkunu qed imorru l-Qorti u jibdew proċeduri twal jekk kemm-il darba l-ftehim magħhom ma jiġix onorat. Il-Ministru qal ukoll li huwa fir-responsabbiltà tiegħu li jneħħi dawn il-klawżoli, li l-kumpanija qed jiswewha xejn inqas minn €4 miljun fis-sena. Żied jgħid li mhux sostenibbli li jkollok klawżola ta’ ħaddiema li jirtiraw ta’ 55 sena u għall-10 snin ta’ wara jibqgħu jieħdu żewġ terzi tal-pagi tagħhom.

Il-Ministru kien ċar li l-linja tal-Ajru importanti li tiġi salvata minħabba diversi raġunijiet fosthom għax din tara li tittrasporta mal-40 fil-mija tat-turisti li jżuru pajjiżna. Huwa qal li l-Oppożizzjoni hija skomda li titkellem dwar l-Air Malta u hu b’wiċċu minn quddiem qed jippreżenta dawn id-dokumenti u jispjega x’qed jagħmel biex isalvaha. Huwa qal li jifhem lill-unjins li ġġieldu għall-aħjar drittijiet tal-ħaddiema tagħhom, iżda saħaq li l-Ministru ta’ dak iż-żmien kellu jirrikonoxxi li dawn il-klawżoli ma kinux sostenibbli. Il-Ministru b’ton mħallat ta’ delużjoni u rabja qal li d-dnub ma jorqod qatt u li d-daqqiet ta’ firem ta’ dak iż-żmien, se jfissru spiża daqstant qawwija għall-ftehim biex jiġu onorati l-klawżoli u li għalihom se jkollu jħallas il-poplu kollu. 

Sport