Waqt diskussjoni fil-Parlament dwar l-estimi tal-budget marbuta mal-ministeru tiegħu, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li l-inkwilini qed jingħataw l-assistenza legali b’xejn grazzi għall-intervent ta’ Karmenu Mifsud Bonnici. Galdes fakkar li minkejja li saħħtu kienet qabdet sejra lura Karmenu Mifsud Bonnici, minkejja l-personalità tiegħu, kien mar iżuru u b’umiltà baqa’ jistenna fil-waiting room mal-bqija tan-nies. Kompla biex jgħid li dakinhar huwa kien iddiskuta miegħu dwar sitwazzjoni ta’ anzjana li kellha diffikultà mas-sidien u kien staqsih kif kien beħsiebu jindirizza din is-sitwazzjoni tal-kirjiet ta’ qabel l-1995. Minn hemmhekk huwa kien ġie xprunat biex fir-riforma jinsisti li l-inkwilini jingħataw l-assistenza neċessarja.
Il-Ministru qal li minn dak li sema’ waqt id-diskussjoni min-naħa tal-Partit Nazzjonalista, bħal donnu m’hawnx bżonn ta’ ċertu servizzi għax fi żmien l-istess partit fil-gvern kien sar kollox.
Il-Ministru kien ċar għal darbaoħra li mhux se jittollera abbuż fl-akkomodazzjoni soċjali. Sostna li mhux aċċettabbli li persuna tpartat ħames darbiet akkomodazzjoni soċjali. Spjega dwar sitwazzjoni ta’ persuni li applikaw ħames darbiet, anke kull tliet xhur. Kien ċar rigward sitwazzjonijiet ta’ xi persuni li ġenwinament ikollhom sitwazzjonijiet, iżda li kemm jista’ jkun it-tpartit irid jiġi evitat.Huwa tkellem dwar il-Care Plan li se tgħin biex il-gvern ikollu informazzjoni dwar każi sensittivi għax lil hinn mill-istatistika, l-importanti huwa l-fatt li n-nies jiġu megħjuna. Saħaq li persuna li tkun għaddejja minn każi ta’ vjolenza domestika llum il-ġurnata hemm social workers apposta biex jgħinu f’dawn is-sitwazzjonijiet. “Irridu li l-kunċett ta’ housing ma jibqax dak tal-imgħoddi”, sostna l-Ministru filwaqt li spjega li l-viżjoni hija li l-gvern jifhem is-sitwazzjonijiet biex ikun jista’ jgħin lin-nies. Kompla biex jiċċara dwar il-fatt li jsir xi jsir, l-ebda gvern mhu kapaċi li jwaqqaf il-problemi soċjali, iżda jista’ jagħmel minn kollox biex jgħin.
Il-Ministru Galdes qal li filwaqt li fil-budget preżentat hemm miżuri ġodda li se jkunu qegħdin jgħinu lil persuni b’diżabbiltà, il-fatt li membri parlamentari min-naħa l-oħra tal-Kamra li jilmentaw minn kirjiet ta’ €20 fix-xahar turi l-inċentiv b’saħħtu li dan il-gvern qiegħed jagħti biex quddiem ċertu realtajiet jitħallsu dawn iċ-ċifri.
Tkellem rigward ir-riforma qawwija tal-kirjiet ta’ qabel l-1995 u r-responsabbilitajiet li żdiedu għall-Awtorità tad-Djar u li din hija l-uniku raġuni għaż-żieda ta’ għexieren ta’ ħaddiema fi ħdan l-istess awtorità. Żied jispjega dwar il-customer care tal-awtorità u l-ħaddiema li jaħdmu qatigħ biex iwieġbu għas-servizz ta’ skemi ġodda li ħoloq gvern Laburista.
“L-istess persuna li tmexxi l-customer care kienet hemm taħt gvern Nazzjonalista, nżammet hemm hu nista’ ngħid li mhux biss tagħti l-għajnuna personalment, iżda anke tagħmel minn kollox biex tgħin… Proset lil Lorna Pavia u lill-bqija tal-ħaddiema”, tenna Galdes.
Il-Ministru qal li taħtu ġew approvati 1,640 appartament meta fi żmien il-Partit Nazzjonalista dawn l-ammonti kienu ferm inqas meta kkumparati fuq l-istess perjodu. Huwa stieden lill-membri min-naħa l-oħra tal-Kamra biex imorru miegħu fuq il-postijiet li qegħdin jinbnew u l-ftehim ta’ allokazzjoni li hemm u li għall-kuntrarju tal-amministrazzjoni nazzjonalista, dan il-ftehim se jinżamm skont kif maqbul.