L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia reġa’ kkundanna kull aġir u diskors li ma jagħmilx ġieħ lid-dinjità tal-Kamra u tal-membri tagħha, ġej minn liema naħa ġej.
Huwa qal li lil hinn minn dak li allegatament seta’ għamel xi Membru ta’ din il-Kamra, id-dibattitu għandu jkun dejjem wieħed ċivili sabiex id-diskussjoni tkun tista’ tkompli, u anke biex il-poplu jkun jista’ jsegwi dak li jkun qed jingħad mir-rappreżentanti tiegħu f’din l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiiż, aktar u aktar issa li s-seduti huma mxandra wkoll b’mod viżiv.
Huwa ddikjara dan f’ruling li ta llum fejn ċaħad ilment ta’ ksur ta’ privileġġ li kien tressaq mid-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina fil-konfront tal-Prim Ministru Robert Abela.
“Il-Prim Ministru qed jallega li f’xi diskors li kien qed jagħmel l-Onor. Carmelo Abela ftit tal-jiem ilu jiena dħaqt,” qal Aquilina fl-ilment tiegħu filwaqt li ċaħad li huwa daħaq dakinhar.
L-Ispeaker nnota li ż-żewġ membri kienu qed jirreferu għal inċident li nqala’ fil-Kamra fis-seduta tad-29 ta’ Jannar li għadda. Madanakollu huwa saħaq li s-Sedja ma kellha l-ebda mezz biex tivverifika l-fatt kif ġraw f’dik is-seduta.
“Dan peress li skont il-linji gwida li jirregolaw ix-xandir ta’ seduti parlamentari, il-camera kienet qiegħda fuq il-kelliem, l-Onor. Carmelo Abela, fil-waqt li hu kien għaddej bid-diskors tiegħu, għajr għal dawk il-ftit mumenti fejn is-Sedja intervjeniet waqt id-diskors. Is-Sedja għalhekk mhix f’pożizzjoni li tikkonferma, jew tiċħad, l-ilment imqajjem mill-Onor. Karol Aquilina.”
Minkejja dan, fl-aħħar seduti, is-Sedja, anke kif diversament preseduta, kellha tiġbed l-attenzjoni divers drabi għal imġiba mhix parlamentari waqt seduti, tant li kien hemm istanzi fejn is-seduta kellha tiġi sospiża għal xi ħin minħabba diżordni.
Kien għalhekk li filwaqt li s-Sedja ma laqgħetx l-ilment li ressaq Aquilina, b’dan ir-ruling għal darba oħra wasslet messaġġ b’saħħtu dwar il-bżonn ta’ mġiba u diskors xieraq.