Monday, December 9, 2024

Miċħud l-appell ta’ Alfred Degiorgio

Aqra wkoll

“Għalkemm hu minnu li llum l-aċċess b’mod indiskriminat għad-data tal-utenti ta’ servizz ta’ telekomunikazzjoni anke sabiex titħares is-sigurtà nazzjonali għandu jiġi pprojbit billi huwa leżiv tad-drittijiet fondamentali tal-bniedem, madanakollu f’dan il-każ għandha tapplika dik id-deroga maħsuba fid-dritt Ewropew applikabbli għal investigazzjoni bħal dak b’konnessi ma’ reat kriminali gravi fejn l-akkużati jinsabu mixlija mhux biss bir-reat ta’ omiċidju izda ukoll b’dak tal-kriminalità organizzata.”

Din id-dikjarazzjoni issemmiet f’sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali lbieraħ, meta ċaħdet appell ta’ Alfred Degiorgio b’rabta ma’ kawża li kien fetaħ f’Mejju tas-sena 2018. Il-kawża kienet kontra l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija. Fih kien talab biex provi marbuta mal-ġbir ta’ informazzjoni minn mezzi ta’ komunikazzjoni b’rabta mal-investigazzjoni tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia f’Ottubru tas-sena 2017, jiġu ddikjarati inammissibli.

Minkejja li kienu ammettew ħtija fir-reat, id-difiża ta’ Alfred Degiorgio xorta insistiet li tkompli bil-kawża marbuta mal-provi tat-telekomunikazzjoni. Filfatt intqal li hemm kawża oħra kostituzzjonali li għadha għaddejja, u li tista’ taffettwa din il-kawża.

Fil-kawża l-oħra, Alfred Degiorgio u ħuh qed jargumentaw li nkiser id-dritt tagħhom ta’ smigħ xieraq, għax wara li l-avukat ta’ fiduċja tagħhom ma baqax jassisthom, kienu assenjati avukat mill-Aġenzija tal-Għajnuna Legali, li ma setax jassistihom sew.

Il-Qorti tal-Appell, komposta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul, iddikjarat li l-kawża li għadha pendenti m’għandha x’taqsam xejn mal-ammissjoni li rreġistra Degiorgio quddiem il-Qorti Kriminali.

Fil-fatt dik il-kawża nfetħet meta kien għad irid isir il-ġuri, u li eventwalment ma sarx għaliex l-akkużati ammettew għall-akkużi kollha. Għal dawn ir-raġunijiet il-Qorti ddikjarat li Alfred Degiorgio m’għadx għandu interess biex ikompli bil-kawża. Filwaqt li ċaħdet l-appell, il-Qorti ordnatlu wkoll iħallas l-ispejjeż.

Ta’ min jgħid li Alfred Degiorgio, flimkien ma’ ħuh, George Degiorgio ammettew l-akkużi, u b’sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2022 u ngħataw 40 sena ħabs. Hu u ħuh appellaw mis-sentenza, iżda l-appell ġie miċħud.

Ekonomija

Sport