Monday, May 13, 2024

Miċħuda għal darba oħra t-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-“Lilu King”

Aqra wkoll

Il-Qorti Kriminali ċaħdet għal darba oħra t-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Mohamed Ali Ahmed Elmushraty magħruf bħala “Lilu King” billi l-Prosekuzzjoni għad trid tindika kemm fadal xhieda li għad iridu jixhdu u liema akkużi addizzjonali se tkun qiegħda tressaq.

Elmushraty qed ikun mixli b’involviment fi kriminalità organizzata, prinċipalment marbuta mal-ħasil ta’ flus u traffikar ta’ droga. Huwa qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu.

Minn meta tressaq il-Qorti l-ewwel darba f’Mejju li għadda, l-avukat tiegħu ressqu diversi talbiet għal-libertà proviżorja u ripetutament saħqu li għalkemm Elmushraty jinsab akkużat b’involviment fit-traffikar tad-droga, il-pulizija ma kellhiex biżżejjed evidenza biex tressaq akkużi relatati mad-droga kontrih.

Il-Prosekuturi stess kienu sostnew li ma nstabet l-ebda droga fil-pussess tal-imputat meta kien arrestat flimkien ma’ żewġ suspettati oħra f’rejd għad-droga f’San Ġiljan. Madankollu seba’ xhur wara, il-prosekuzzjoni infurmat lill-Qorti li kienu se jiżdiedu akkużi dwar assoċjazzjoni u traffikar ta’ droga.

Dan qanqal reazzjoni qawwija mill-avukat tal-akkużat li argumentaw li peress li l-akkużi l-ġodda kieu totalment differenti minn dawk oriġiiali, il-prosekuzzjoni kellha tibda l-proċeduri mill-bidu. Dan ikun ifisser li d-difiża setgħet titlob lix-xhieda kollha li nstemgħu s’issa fil-kumpilazzjoni sabiex jerġgħu jixhdu.

Id-Difiża argumentat ukoll li Elmushraty ma setax jiffaċċja proċeduri ġodda meta kien diġà qatta’ seba’ xhur taħt arresta preventiva.

Sadanittant, l-Avukati Difensuri ressqu talba oħra għall-ħelsien mill-arrest quddiem il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri. Wara li sema’ s-sottomissjonijiet tal-partijiet, l-Imħallef Camilleri ħa nota ta’ dak li ġara seħħ fl-aħħar żewġ seduti quddiem il-Qorti tal-Maġistrati.

Il-Qorti ħadet ukoll nota ta’ digrieti preċedenti dwar il-ħelsien mill-arrest tiegħu, u osservat li l-Prosekuzzjoni għadha ma indikatx li kien għad fadal x’jixhdu u biex isegwu l-proċedura kif ordnat mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.

Peress li l-Qorti qieset li dawk il-kwistjonijiet kellhom jiġu solvuti u anke minħabba l-biża’ ta’ intralċ ta’ provi, kienet miċħuda t-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat.

Għal Elmushraty qed jidhru l-Avukati Franco Debono u Jose’ Herrera.

Sport