Il-Qorti Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, ċaħdet mill-ġdid it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Roderick Cassar li jinsab mixli bil-qtil ta’ martu Bernice f’Novembru tas-sena li għaddiet f’Kordin.
Dan wara li Cassar ressaq rikors ieħor fil-Qorti li fih għamel talba għall-ħelsien mill-arrest. Fl-istess rikors huwa sostna li l-għotja tal-ħelsien mill-arrest hija r-regola ġenerali. L-istess talba għall-ħelsien mill-arrest ġiet oġġezzjonata mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, hekk kif sostnew li r-reati li jinsab mixli bihom Cassar jitqiesu bħala akkużi serji ħafna.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti nnotat li f’April u f’Mejju li għadda ċaħdet talbiet simili lill-akkużat. Qalet li għalkemm il-persuna akkużata hija preżunta innoċenti, sakemm ma jkunx hemm dikjarazzjoni ta’ ħtija, madankollu, il-jedd għall-ħelsien mill-arrest mhux awtomatiku.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest bir-raġuni li Cassar mhux lest li jimxi mal-kundizzjonijiet imposti fuqu f’każ li jingħata l-libertà proviżorja.
Għall-akkużat qegħdin jidhru l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri, Arthur Azzopardi u Jacob Magri.
L-Avukati Marita Pace Dimech u Ann Marie Cutajar qegħdin jidhru parte-civile għall-familja ta’ Bernice.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Darlene Grima u Angele Vella u Anthony Vella.