Imħallef ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Roderick Cassar, li jinsab mixli bil-qtil ta’ martu Bernice f’Novembru tas-sena li għaddiet.
L-Imħallef Neville Camilleri sema’ s-sottomissjonijiet tal-avukati ta’ Cassar u anke tal-prosekuturi b’rabta mat-talba għal-libertà proviżorja li kienet ippreżentata lbieraħ.
L-Avukati Difensuri filwaqt li rrikonoxxew li dan huwa każ serju, argumentaw li l-kumpilazzjoni tax-xhieda tinsab fl-aħħar stadji tagħha u kulma kien jonqos jixhed huwa espert tal-Qorti. Qalu li Cassar għandu l-familja kollha tiegħu hawn Malta u li m’hemm l-ebda biża’ li l-akkużat jista jaħrab mill-pajjiż.
Iżda l-Avukat Angele Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, informat lill-Qorti li kien fadal xhieda oħra pajżana x’jixhdu u hemm il-biża’ ta’ intralċ ta’ provi.
Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Imħallef Camilleri nnota l-istadju tal-kumpilazzjoni kif ukoll ir-reati li jinsab akkużat bihom Roderick Cassar. Huwa ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest u spjega li l-Qorti “għallinqas s’issa, mhix sodisfatta li jekk huwa jingħata l-libertà proviżorja, ikun lest jaderixxi mal-kundizzjonijiet.”
Il-Prosekuzzjoni qiegħda titmexxa mill-Avukati Angele Vella, Darlene Grima u Anthony Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati Arthur Azzopardi, Franco Debono u Jacob Magri dehru għal Cassar.