Saturday, December 21, 2024

Miċħuda t-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ wieħed mill-allegat qattiela ta’ Rivas

Aqra wkoll

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Dan-Andrei Tanase.

Dan-Andrei, ta’ 32 sena, flimkien ma’ żewġt irġiel oħra – Ilie Constantin ta’ 31 sena u Ionut Iulian Tanase ta’ 35 sena – jinsabu mixlija bil-qtil ta’ Joseff Rivas f’Diċembru li għadda. It-tliet akkużati ċaħdu l-akkużi miġjuba kontrihom.

Rivas kien qala’ 28 daqqa ta’ sikkina u nstab mixħut mal-art wiċċu ‘l fuq quddiem ħanut tal-pastizzi f’Paceville.

Fost ir-raġunijiet li tat il-Maġistrat rigward it-talba ta’ Dan-Andrei, qabelxejn ġie nnutat li huwa qed jaffaċċja allegazzjonijiet ta’ natura serja ħafna. Ingħad ukoll li huwa m’għandux rabtiet sodi ma’ Malta, tant li għad m’hemmx evidenza ċara li turi illi għandu xi familjari f’pajjiżna.

Ġie kkunsidrat ukoll il-fatt li l-Qorti mhix konvinta dwar l-abbiltà tiegħu li joqgħod għall-ordnijiet imposti minnha, u li għalkemm huwa qal li qed jaħdem ma’ kumpanija għadu ma informax lill-Qorti bl-ammont ta’ salarju li se jkun qed jirċievi u jekk l-istess kumpanija hijiex irreġistrata.

Il-każ ikompli jinstema’ fis-16 ta’ Novembru li ġej fil-11:00 a.m.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Ġenerali Kaylie Bonnet u Darlene Grima flimkien mal-Ispetturi Kurt Zahra u Brian Xuereb.

Għall-imputati qed jidhru l-Avukati Franco Debono, Charmaine Cherrett, Arthur Azzopardi u Jacob Magri.

Ekonomija

Sport