Il-Qorti Kriminali ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Yorgen Fenech, li qed jiġi mixli b’kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Fenech ilu jinżamm taħt arrest preventiv sa minn Novembru 2019.
Fid-deċiżjoni tagħha, l-Imħallef Edwina Grima qalet li ma kien hemm l-ebda bdil fiċ-ċirkostanzi li kien fihom l-akkużat meta fi Frar li għadda ngħatat deċiżjoni simili mill-Qorti.
L-Imħallef Grima żiedet tinnota li diversi persuni ġew akkużati b’rabta mal-qtil u li l-inkjesta maġisterjali għadha għaddejja. Fl-istess ħin, hija osservat ukoll li l-biża’ li Fenech jista’ jaħrab jew jipprova jfixkel il-ġustizzja għadha qawwija.
Filwaqt li rrikonoxxiet li persuna akkużata hija preżunta innoċenti sakemm tinstab ħatja, il-Qorti Kriminali qalet li meta tqis l-interessi tas-soċjetà, ma tħossx li f’dan l-istadju Fenech kellu jingħata l-libertà proviżorja.