Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ċaħdet talba ta’ mara li wriet ix-xewqa li twaqqa’ l-każ fil-konfront tar-raġel tagħha. Il-Qorti qalet li qed tiċħad din it-talba wara li kkonsidrat il-fatt li mill-assenjar li għamlu l-ħaddiema soċjali ħareġ li kienet f’riskju għoli.
Ir-raġel tagħha li hu Libjan ta’ 33 sena residenti l-Qrendi kien ġie akkużat li kkawża biża’ lil martu li se tintuża l-vjolenza kontriha fil-preżenza ta’ minuri, li hedded lil martu u li kiser kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Hu kien mixli wkoll li kien seraq il-panic button li għandha martu kif ukoll li sar riċediv.
Quddiem il-Qorti ntqal li l-koppja għandhom il-vizzju tad-droga u l-mara mhux l-ewwel darba li għamlet rapporti fil-konfront tar-raġel tagħha dwar vjolenza domestika. L-aħħar wieħed sar fejn allegat li kien heddidha li joqtolha.
Wara li semgħet lill-partijiet, il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ċaħdet it-talba tal-mara bl-akkużat inżamm arrestat.


