Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili ċaħdet talba li saritilha minn żewġ għaqdiet favur il-ħajja b’rabta mal-miżura tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika li tawtorizza l-bejgħ tal-morning after pill mingħajr ir-riċetta tat-tabib.
L-għaqdiet – Life Network Foundation u Save the Embryo Protection Act – kienu fetħu kawża fejn ilmentaw mill-għemil tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika meta ħalliet li jitqiegħdu fis-suq prodotti mediċi li, fil-fehma tagħhom, jeqirdu l-ħajja wara t-tnissil tagħha. Huma qalu li dan sar bi ksur tal-liġi li tħares il-ħajja tal-bniedem.
Min-naħa tagħha, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, qalet li l-għaqdiet m’għandhomx interess ġuridiku biex iressqu din l-azzjoni billi l-għemil amministrattiv li qed jintalab li jiġi mistħarreġ mhuwiex għemil amministrattiv magħmul fil-konfront tagħhom.
Fis-sentenza tiegħu, l-Imħallef Joseph R. Micallef qal li d-deċiżjoni li ħadet is-Supretendent ma kinitx fil-konfront tal-imsemmija għaqdiet. Qal li s-Supretendent ħarġet ordni biex tali mediċina titqiegħed fis-suq fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Awtorità ta’ Malta dwar il-Mediċini.
“Il-miżura attakkata tindirizza l-interess ta’ dawk in-nisa li, għal raġuni jew oħra, jagħżlu li jevitaw li jinqabdu fi tqala. Kienet tkun differenti s-sitwazzjoni kieku l-azzjoni nġiebet minn tali persuni għaliex, ngħidu aħna, ma jaqblux mar-restrizzjonijiet li setgħu ġew imposti fl-amministrazzjoni tal-istess mediċinali,” qal l-Imħallef Micallef.
Tenna li l-interess tal-għaqdiet, meta mqabbel mal-interessi ta’ dawn l-aħħar persuni msemmija, mhux biss huwa differenti minn tagħhom iżda saħansitra oppost għalih. “B’dan il-mod, l-għaqdiet fil-kwalità li fiha ressqu din l-azzjoni tagħhom, ma jistgħux bl-ebda mod jitqiesu li qegħdin jirrappreżentaw l-interess ta’ dawk il-persuni.”
L-Imħallef żied jgħid li dik il-miżura li ħadet is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika ma ġġiegħel lil ebda persuna li, għal raġunijiet mediċi jew etiċi, għandha tirrikorri għall-użu ta’ dawk il-mediċinali.