Il-Qorti ċaħdet talba ta’ raġel, li kien ammetta li qatel diversi qtates f’Tas-Sliema, biex ikun assistit minn espert psikoloġiku qabel tingħata s-sentenza.
Okamura Satoshi kien ammetta għall-akkużi miġjuba kontrih is-sena li għaddiet u kien ikkundannat sentejn ħabs u kien ipprojbit milli jżomm annimali għal 40 sena.
Huwa kien appella mis-sentenza, bil-Qorti tal-Appell tannulla s-sentenza fuq teknikalità. Il-każ intbagħat mill-ġdid quddiem il-Qorti tal-Maġistrati.
Nhar il-Ħamis, quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi, id-Difiża reġgħet għamlet talba sabiex jinħatar espert psikoloġiku sabiex jassessja lil Satoshi.
L-Ispettur Elliot Magro osservat li l-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Nadine Sant Lia, kienet diġà ċaħdet din it-talba. Qal ukoll li dan ma jistax isir hekk kif il-Qorti tal-Appell qalet li l-każ għandu jkompli fl-istadju finali jiġifieri eżatt qabel ma tingħata s-sentenza.
Il-Qorti ċaħdet mill-ġdid din it-talba u għaldaqstant il-Prosekuzzjoni u d-Difiża għamlu l-aħħar sottomissjonijiet tagħhom qabel terġa’ tingħata s-sentenza.




