Friday, January 30, 2026

Miċħuda talba biex titħassar liġi dwar kmamar tan-nar

Aqra wkoll

Sidien ta’ propjeta’ fil-limiti tal-Mosta ressqu kawża kontra l-Avukat tal-Istat u l-Kamra tan-nar Santa Marija tal-Mosta fejn allegaw li d-drittijiet fundamentali tagħhom kienu miksura permezz ta’ liġi li għaddiet fis-sena 2018 li permezz tagħħa ġiet iċċarata l-pożizzjoni dwar distanzi minn kamra tan-nar għal triq pubblika.

Il-kwistjoni tmur lura għas-sena 1989 meta l-Kummissarju tal-Pulizija kien ħareġ permess għall-ftuħ tal-kamra tan-nar tal-Każin Santa Marija tal-Mosta. Sidien fl-inħawi kienu stqarru li dan il-permess kien inħareġ bi ksur ta’ liġi għaliex ma kienx hemm id-distanzi meħtieġa mil-liġi.

Dawn il-proċeduri kienu intemmu permezz ta’ deċiżjoni fl-2018 fejn il-Qorti kienet ħassret il-permess maħruġ fis-sena 1989. Konsegwenza ta’ din is-sentenża, il-pulizija kienet waqqfet il-permess u ssiġillat il-kamra tan-Nar Santa Marija.

Is-sentenza li kienet ħassret il-permess tal-1989 jirriżulta li kellħa impatt mhux biss fuq il-kamra tan-Nar ta’ Santa Marija tal-Mosta iżda l-interpretazzjoni li tat il-Qorti għad-distanzi minn triq kienet se timpatta fuq bosta kmamar tan-nar oħra madwar Malta.

Il-Gvern fid-dawl ta’ dan kien ressaq liġi fl-Parlament biex il-pożizzjoni legali tal-kmamar tan-nar dwar distanzi minn toroq tiġi ċċarata. Il-Parlament kien qabel b’mod unanimu mal-emenda li tressqet min-naħa tal-Gvern.

Bis-saħħa ta’ din il-liġi, il-kumitat tal-Każin Santa Marija tal-Mosta kien ressaq applikazzjoni mill-ġdid biex fid-dawl tal-liġi l-ġdida jinħareġ permess fuq il-kamra tan-nar. Il-Kummissarju b’applikazzjoni tal-liġi l-ġdida u bis-saħħa ta’ emendi oħra fil-liġi tal-Ippjanar ħareġ permess ġdid biex terġa’ tibda topera din il-kamra tan-nar.

Is-sidien ta’ xi propjetajiet fil-madwar ħassew li din il-bidla fil-liġi affettwat id-drittijiet tagħhom u reġgħu fetħu kawża oħra biex jattakkaw il-liġi li għaddiet mill-Parlament fis-sena 2018.

Il-qorti ċaħdet it-talbiet tas-sidien primarjament fid-dawl tal-fatt li l-liġi tal-2018 ma kienetx waħda intiża għall-kamra tan-nar partikolari iżda li kienet se timpatta fuq bosta kmamar tan-nar oħra.

Il-Qorti innutat wkoll li kien hemm sentenzi tal-qorti preċedenti anke tal-Qorti ta’ Strassburgu li kkusidraw l-importanza tal-piroteknika bħala parti mill-kultura Maltija u għalhekk wasslet għad-deċiżjoni li tiċħad it-talba tas-sidien.

Fis-sentenza tagħħa, il_Qorti ordnat lill-Avukat tal-Istat iħallas lil kull sid f’din l-kawża is-somma ta’ €10,000 peress li l-qorti kkundsidrat li fiċ-ċirkostanżi li kien hemm sentenza li ntrebħet minnhom u wara kien hemm bidla fil-liġi li l-qorti dehrilħa meħtieġa, kellha tagħti kumpens ta’ danni morali.

Għall kamra tan-nar ta’ Santa Marija deħer l-avukat Edward Zammit Lewis.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport