Il-Qorti tal-Appell Kriminali ċaħdet talba oħra ta’ Yorgen Fenech biex jingħata l-ħelsien mill-arrest.
Fenech, li qed jiġi mixli b’kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kien għamel din it-talba nhar is-7 ta’ Awwissu li għadda. Huwa ilu miżmum taħt arrest preventiv sa minn Novembru 2019.
Fenech ilmenta li minkejja ilu miżmum taħt arrest għal kważi erba’ snin, ma jafx x’inhi r-raġuni għaliex mhux jingħata l-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti iżda ddeċidiet li l-akkużi kontra Fenech huma ta’ natura serja ħafna, u għad hemm il-biża’ reali li jista’ jaħrab u anke ta’ intralċ ta’ provi.
Il-Qorti qalet li ma tistax taqbel li hemm qbil fiċ-ċirkostanzi u konsegwentement ma tistax tilqa’ t-talba ta’ Fenech.
Kien għal dawn ir-raġunijiet li ċaħditlu t-talba u baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.