Sunday, December 22, 2024

Miċħuda talba ta’ Dani Alves għall-libertá proviżorja mill-qorti ta’ Barċellona

Aqra wkoll

Id-difensur internazzjonali Brażiljan, Dani Alves, kellu talba għall-ħelsien mill-ħabs fuq garanzija miċħuda mill-qorti Spanjola hekk kif qed tkompli għaddejja l-investigazzjoni dwar allegat attakk sesswali.

Alves, ta’ 39 sena, ilu miżmum minn Jannar fuq allegazzjoni li aggredixxa mara f’nightclub fil-belt ta’ Barċellona f’Diċembru li għadda. Iżda huwa ċaħad l-akkużi kontrih. 

L-avukat tiegħu kien talab li jinħeles jekk iċedi l-passaport u jintlibes tikketta elettronika.

Il-Qorti ċaħdet it-talba, u qalet li tqisu bħala riskju li jista’ jaħrab.

“Hemm riskju għoli li jaħrab mill-pajjiż peress li … il-piena severa li qed jiffaċċja f’dan il-każ u r-riżorsi ekonomiċi tiegħu jistgħu jagħmluha possibbli għalih … li jħalli Spanja fi kwalunkwe ħin,” qalet il-qorti ta’ Barċellona f’dikjarazzjoni.

Il-club Messikan Pumas UNAM temm il-kuntratt ta’ Alves f’Jannar meta nżamm taħt arrest preventiv.

Alves lagħab 408 partita għal Barcelona fuq żewġ perjodi, u rebaħ sitt darbiet il-kampjonat Spanjol u tliet darbiet il-UEFA Champions League bejn l-2008 u l-2016.

Id-difensur lagħab ukoll ma’ Paris St-Germain u Juventus fost clubs oħrajn kif ukoll lagħab 126 partita għal Brażil.

Ekonomija

Sport