Talba oħra tal-Avukat Jason Azzopardi għal ftuħ ta’ inkjesta, din id-darba fil-konfront tal-Ministru Silvio Schembri, ma kinitx milqugħa mill-Qorti.
Fir-rikors tiegħu, Azzopardi kien ippreżenta 16-il artiklu li kienu dehru fuq is-siti online minn The Shift News, Newsbook u Times of Malta bejn is-snin 2022 u 2024.
Il-maġġorparti ta’ dawn l-artikli jirreferu għall-Awtorità tal-Artijiet filwaqt li kien hemm xi artikli li jitkellmu dwar il-mara tal-Ministru Schembri. Uħud mill-artikli jirreferu għal trasferiment ta’ art pubblika li għamlet l-Awtorità tal-Artijiet favur terzi.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Schembri qal li r-rikors ta’ Azzopardi kien frivolu u vessatorju għaliex ma fih ebda fatt dwar ir-reat u hu mimli b’fatti inveritieri li huma sensazzjonali. Huwa daħal ukoll fil-mertu ta’ kull allegazzjoni li saret fil-ġurnali u ppreżenta ammont sostanzjali ta’ dokumenti sabiex jissustanzja dak li kien qiegħed jgħid.
Fid-digriet tiegħu, il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici nnota kif is-sustanza prinċipali tad-denunzja kienet l-artikli tal-ġurnali. Il-Maġistrat qara kull artiklu li ssemma fir-rikors u wasal għall-konklużjoni li dawn l-artikli ġurnalistiċi ma kellhomx il-forma ta’ denunzja li titlob il-liġi.
Il-Maġistrat saħaq li “dak li huwa minnu huwa li mhjiex prassi tajba li investigazzjoni tieħu forma ta’ diskussjoni pubblika għaliex din jista’ jkollha konsegwenzi serji fuq il-preservazzjoni tal-provi.”
Kien għalhekk li ċaħad it-talba ta’ Jason Azzopardi sabiex isir aċċess ai termini tal-artikolu 546(4A) tal-Kodiċi Kriminali. Il-Maġistrat ċaħad it-talba tal-Ministru Schembri sabiex ir-rikors jiġi ddikjarat frivolu u vessatorju.
B’reazzjoni, Jason Azzopardi qal li se jkun qiegħed jappella minn din id-deċiżjoni.