Monday, November 4, 2024

Miċħuda talba ta’ Yorgen Fenech biex issir inkjesta fuq Melvin Theuma

Aqra wkoll

Il-Maġistrat Joseph Mifsud ma laqax talba ta’ Yorgen Fenech biex tinfetaħ inkjesta maġisterjali kontra Melvin Theuma, l-allegat mandat fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia b’rabta ma’ allegati reati li dan seta’ wettaq snin ilu. 

L-Avukat Charles Mercieca, f’isem Yorgen Fenech, kien ippreżenta rikors fejn kienu elenkati diversi reati li allegatament setgħu twettqu mid-denunzjat li jinvolvu reat ta’ parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali, ħasil ta’ flus u influwenza mhux xierqa fuq uffiċjal pubbliku. 

Fir-risposta ta’ Melvin Theuma kif ippreżentata mill-Avukati tiegħu Kathleen Calleja Grima u Matthew Brincat, intqal li s-siltiet tar-recordings kwotati minn Fenech jifformaw parti minn volum kbir ta’ recordings li ħa Theuma u li kien għaddihom lill-pulizija mal-arrest tiegħu. Intqal ukoll li dawn ir-recordings ġew esebiti u jinsabu preservati fl-inkjesta dwar l-omiċidju ta’ Caruana Galizia, filwaqt li kienu wkoll ippreżentati fil-proċeduri fil-Qorti.

Kien għalhekk li tennew li dan ir-rikors ma kienx xejn għajr “l-enneżimu tentatttiv” biex jittanta jfixkel il-kors tal-ġustizzja billi fi kliemhom “jattakka xhud prinċipali fil-proċeduri kontra tiegħu u jiżgwida l-andament tal-provi.” 

Wara li ra s-sottomissjonijiet tal-partijiet, il-Maġistrat Mifsud stqarr li inkjesta in genere m’għandhiex tinfetaħ sempliċiment qisha sempliċi rapport li jsir ta’ kuljum f’għassa tal-pulizija jew inkella bħal mijiet ta’ kwereli li jintbagħtu lill-pulizija biex jipproċedu kontra xi persuna. 

Huwa fakkar li l-Liġi ma tridx li denunzji jsiru b’mod azzardat, abbużiv, malizzjuż jew saħansitra b’mod falz għaliex fi kliemu “d-denunzji jew kwereli mhumiex logħba” u jisgħu jagħmlu ħsara irreparabbli lil dak li kontra tiegħu jkunu qegħdin isiru, jekk ma jkunux veritieri, ġenwini u onesti. 

Barra minn hekk, il-Qorti saħqet li dawn id-denunzji jinvolvu xogħol, ħin u spejjeż konsiderevoli għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja li tkun ġiet “mobilitata” sabiex taġixxi. 

Il-Qorti qalet li l-allegazzjonijiet li saru u li jolqtu l-meritu tal-inkjesta ma nstabux li huma msejsa fil-provi, la kienu indikati xhieda u lanqas dawk dokumentarji. 

Il-Maġistrat Mifsud ikkonkluda li ma ġewx sodisfatti l-prerekwiżiti kollha meħtieġa sabiex issir inkjesta dwar l-in genere fir-rigward ta’ dak li ġie allegat fil-konfront ta’ Melvin Theuma.

Sport