Tuesday, March 4, 2025

Mid-Dinja tar-Wrestling – Jey Uso u l-Vjaġġ sal-Main Event

Aqra wkoll

minn Bradley Zerafa

Jey Uso, wieħed mill-ulied tal-leġġenda ‘Rikishi’, beda bħala parti minn wieħed mill-aktar tag teams famużi mill-era moderna ta’ WWE, iżda llum kiseb isem għalih innifsu bħala contender validissimu għat-titlu ta’ World Champion.

Kien fl-2010 meta fuq Monday Night Raw rajna d-debutt ta’ The Usos (Jey Uso u ħuh Jimmy) fejn flimkien ma’ Tamina Snuka ħarġu għall-attakk kontra The Hart Dynasty, li kienet magħmula minn Tyson Kidd, David Hart Smith u Natalya.

Għamlu kważi tlettax -il sena dominanti fix-xena tat-tag team fejn fost oħrajn huma WWE Raw Tag Team Champions għal tliet darbiet, WWE Smackdown Tag Team Champions għal ħames darbiet, kif ukoll WWE Tag Team of the Year għal sentejn konsekuttivi bejn l-2014 u l-2015.

Pero’ il-folja nqalbet kompletament meta fl-2023, eżattament waqt Summerslam ta’ dik is-sena, meta ħu Jey, Jimmy Uso, ddeċieda li jitradixxi lil demmu stess billi jtelliflu l-opportunita’ li jsir Undisputed WWE Universal Champion meta ġibdu minn ġewwa r-ring u waqqfu milli jmur għall-pinfall.

Minn dakinhar Jey ħa l-opportunita’ biex juri x’inhu kapaċi jagħmel mingħajr ma jibqa fid-dell tal-isem tal-familja, jew aħjar, fid-dell tal-Bloodline. Fost oħrajn, fl-2024 irnexxielu jkun tag team champion għal darb’oħra, din id-darba ma’ Cody Rhodes, kif ukoll kien parti mill-Money In The Bank Ladder Match tal-irgiel.

Kien f’Settembru ta’ dik is-sena fejn Uso kiseb l-ewwel titlu tiegħu fuq bażi individwali fejn għeleb lil Bron Breakker għad-WWE Intercontinental Championship, liema titlu tilef wara biss 27 jum, kaġun ta’ attakk mill-Bloodline.

Fl-2025 imbagħad bdiet ir-rivalita bejn Jey Uso u l-World Heavyweight Champion kurrenti Gunther, fejn ġimgħa qabel ir-Royal Rumble, waqt edizzjoni ta’ Saturday Night’s Main Event, naqas milli jirbaħ dan it-titlu.

Pero’ Uso għamel dak li ftit forsi bassru li seta’ jiġri, fejn fir-Royal Rumble Match, kien l-aħħar parteċipant, u allura r-rebbieħ wara li elimina lil John Cena, li pparteċipa fl-aħħar Royal Rumble match tal-karriera tiegħu.

Din ir-rebħa tat lil Uso l-opportunita’ li jagħżel kontra liema champion jixtieq jikkompeti fil-main event tal-ikbar spettaklu tas-sena għal WWE, Wreslemania, li dis-sena ser issir ġewwa Las Vegas, l-Istati Uniti. Din għalhekk kienet l-opportunita’ addattata għal Jey biex jerġa jisfida lil Gunther għat-titlu.

Matul dawn il-ħmistax-il sena li Jey Uso ilu fid-WWE wera kemm mhux biss huwa atleta tajjeb fl-ambjent ta’ tag team, iżda li hu kapaċi jkun wieħed mill-aqwa atleti tad-WWE ukoll fuq bażi individwali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport