Minn Bradley Zerafa
Meqjus bħala wieħed mill-aqwa li l-isport tar-wrestling għandu x’joffri, wara karriera ta’ kważi 22 sena, sittax -il titlu dijni (rekord konġunt ma’ Ric Flair), kif ukoll bħala attur rinomat fid-dinja ta’ Hollywood, John Cena jibqa’ msemmi bħala ikona u leġġenda tad-WWE.
Beda l-karriera tiegħu fl-2002 fejn waqt edizzjoni ta’ Smackdown! irrisponda ‘Open Challenge’ ta’ Kurt Angle.
Jibqa’ msemmi wkoll għall-persona tiegħu bħala ‘Dr Of Thuganmics’, fejn bħal l-ħażin (jew aħjar, bħala heel), addotta karattru ta’ rapper.
Kien imbagħad wara Wrestlemania 22 fl-2006 fejn ftit ftit bdejna naraw lil John Cena fil-karattru li nafuh l-aktar, li hu magħruf bhala ‘Marine Super Cena’, minħabba li kien l-attur prinċipali fil-film tal-2006 ‘The Marine’.
Ta’ min ngħidu li qabel din it-tranżizzjoni Cena kien diġa rebaħ l-ewwel titlu dinji tiegħu, liema titlu biddlu minn dak eżistenti għall-ispinner championship, li tibqa’ sinonima miegħu.
Wara perjodu ta’ kważi ħmistax -il sena, 15 -il titlu dinji, 3 United States Championships, żewġ rebħiet fir-Royal Rumble Match u bosta Slammy Awards, immorru għall-2017 fejn Cena leħaq tragward ieħor fil-karriera tiegħu meta fir-Royal Rumble għeleb lid-WWE Champion AJ Styles biex jikseb is-sittax -il titlu dinji, fejn issa leħaq lil Ric Flair li wkoll għandu sittax -il titlu dinji taħt ismu.
Kien imbagħad waqt Money In The Bank tal-2024 ġewwa Londra fejn bla ma ħadd kien qed jistenna, Cena ħareġ fir-ring biex iħabbar li l-2025 se tkun l-aħħar sena tiegħu bħala wrestler attiv, fejn imbagħad ser jimxi aktar għal rwol ambaxxatorju għad-WWE.
Il-mistoqsija fuq fomm kulħadd minn dak il-punt il’ quddiem dejjem kien jekk Cena għadx jikser ir-rekord u jerbaħ is-sbatax -il titlu dinji.
Fil-bidu tal-2025, Cena ħabbar li se jipparteċipa fl-aħħar Royal Rumble tiegħu, liema announcement kompla jkabar l-ispekulazzjoni li s-sbatax -il titlu jinsab fil-qrib. Biss pero’ Jey Uso kellu pjan ieħor meta elimina lil Cena biex jirbaħ minfloku.
B’hekk l-unika ċans għal Cena biex jikkompeti għat-titlu dinji fl-aħħar Wrestlemania tiegħu kien li jikkompeti fl-Elimination Chamber Match tal-irġiel. Sorpriża li ħadd ma stenna kienet li wara li Cena kien ddikkjarat rebbieħ, u hekk sab postu fil-Main Event ta’ wieħed mill-iljieli ta’ Wrestlemania, Cena mar lura għall-oriġini tiegħu meta fforma alleanza ma’ The Rock, li kien għadu kemm dar kontra d-WWE Champion Cody Rhodes u allura wara kważi 21 sena qed naraw lil Cena lura bħala heel.
Tgħid Cena għad jiksru dak ir-rekord? X’taħsbu?