Il-pajsaġġ tal-professional wrestling inbidel b’mod radikali f’dawn l-aħħar snin. Id-differenza bejn it-tmexxija ta’ Vince McMahon u dik ta’ Triple H (Paul Levesque) mhijiex biss waħda estetika, iżda tirrappreżenta bidla fundamentali fil-mod kif in-negozju jiġi operat u kif ir-wrestlers jiġu ppreżentati bħala assi tal-kumpanija.
Taħt Vince McMahon, il-kreattività kienet spiss ikkaratterizzata minn dik li ħafna kienu jsejħu “an audience of one.” Kollox kien idur madwar dak li jħobb Vince. Dan kien iwassal għal bidliet fl-aħħar minuta u micromanagement eċċessiv. Ir-wrestlers kienu jkollhom scripted promos kelma b’kelma, u jekk xi ħadd ma kienx jidħol fil-forma tal- “bodybuilder” tradizzjonali, spiss kien jispiċċa b’ gimmick ta’ kummiedja jew jitlef postu bħala main eventer.
B’kuntrast għal dan, Triple H introduċa sistema mibnija fuq il-loġika u r-rispett lejn il-passat ta’ dawk li jaħdmu taħtu. Fl-era tiegħu, naraw ħafna aktar long-term storytelling. Storja ma tibdiex u tispiċċa f’ġimgħa; minflok, naraw żvilupp li jista’ jieħu xhur, bħalma rajna fil-każ tal-Bloodline jew ir-ritorn ta’ CM Punk. It-talent issa għandu aktar libertà fuq il-mikrofonu, u dan jippermetti li l-konnessjoni mal-fans tkun aktar organika. Wrestlers li qabel kienu meqjusa bħala “żgħar wisq” jew “indie darlings” issa qed jiġu ttrattati bħala stilel kbar, b’enfasi fuq il-kwalità tal-in-ring work.
Mill-perspettiva tan-negozju, id-differenza hija evidenti fir-riżultati finanzjarji u fl-espansjoni globali. Vince dejjem ra lill-WWE bħala “Sports Entertainment,” fejn il-kelma wrestling kienet kważi projbita. Huwa ffoka fuq il-massimilazzjoni tal-profitt permezz ta’ ftehimiet kbar tat-televiżjoni, iżda l-prodott spiss kien iħossu staġnat.
Triple H, megħjun minn Nick Khan, mexxa l-kumpanija lejn era ta’ record-breaking revenues. Taħt it-tmexxija tiegħu:
Il-Premium Live Events (PLEs) saru iżgħar f’termini ta’ numru ta’ matches iżda akbar bħala esperjenza, b’enfasi kbira fuq swieq internazzjonali bħal Franza, l-Iskozja, u l-Ġermanja.
Il-kumpanija saret aktar miftuħa għal sħubijiet esterni, u neħħiet l-iżolament li kien jimponi Vince. Dan wassal għal kollaborazzjonijiet u sensazzjoni li l-WWE hija parti minn ekosistema akbar tal-isport.
L-integrazzjoni ta’ TKO Group Holdings wara l-merger ma’ l-UFC uriet li l-WWE issa qed tiġi operata b’mentalità ta’ sport leġittimu, b’inqas dipendenza fuq ix-xewqat ta’ persuna waħda u aktar fuq data u fan engagement.
Filwaqt li l-metodu ta’ Vince McMahon bena l-imperu li nafu llum, il-viżjoni ta’ Triple H mmodernizzat il-prodott għal udjenza ġdida. Il-wrestlers iħossuhom aktar motivati b’direzzjoni kreattiva stabbli, u n-negozju qed jara suċċess bla preċedent. WWE m’għadhiex biss spettaklu tat-televiżjoni; saret marka globali li tibbilanċja l-arti tal-pro-wrestling mal-loġistika ta’ korporazzjoni moderna.
Madankollu, mhux kollox huwa ward u żahar taħt it-tmexxija ta’ Levesque. Filwaqt li l-loġika u l-ippjanar fit-tul huma milqugħa, xi kritiċi u fans veterani qed jibdew iħossu nuqqas ta’ dik l-ispontanjità li kienet tikkaratterizza l-era ta’ McMahon. Vince kien magħruf għax-shock value li kien kapaċi jwaħħal lil kulħadd mat-televixin; miegħu, script seta’ jinbidel f’nofs l-ispettaklu, u dan kien joħloq sens ta’ periklu u eċċitament li “anything can happen.”
Taħt Triple H, il-prodott kultant jinħass wisq “mekkaniku” jew prevedibbli. Il-metodu tas-slow-burn jista’ jkun frustranti meta storja tibqa’ sejra għal xhur sħaħ mingħajr żviluppi kbar, u dan iwassal biex ċerti episodji ta’ Raw jew SmackDown iħossuhom biss bħala filler. Barra minn hekk, filwaqt li Vince kien jipprova jimmira lejn il-mainstream, Triple H kultant jiffoka wisq fuq il-hardcore fan, u b’hekk jirriskja li jitlef l-ispettaklu kbir u l-karattri li bnew il-kumpanija oriġinarjament.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-mistoqsija tibqa’: WWE hija aħjar bħala sport dixxiplinat, jew bħala s-sajjetta fil-flixkun li Vince McMahon kien kapaċi joħloq, anke fil-kaos tiegħu?

