Saturday, July 26, 2025

Mid-Dinja tar-Wrestling: Tmiem ta’ Dinastija –  Il-Bloodline Fil-Periklu u l-Ġlieda għall-Ħakma

Aqra wkoll

minn Bradley Zerafa

Il-Bloodline, fazzjoni li għal dal-aħħar ħames snin kienet l-element prinċipali ta’ ħakma assoluta ta’ WWE minn kull angolu, issa tinsab fi stat ta’ kaos totali.

Bdiet bħala dinastija mwaqqfa madwar il-figura formidabbli ta’ Roman Reigns, li mill-2020 sal-2024 mexxa b’awtorità assoluta bħala “Tribal Chief”. Iżda wara li tilef it-titlu kontra Cody Rhodes f’WrestleMania 40, u wara li ġie megħlub fi Tribal Combat Match minn Solo Sikoa f’Jannar tal-2025, il-pedament tal-Bloodline beda jċedi. Roman sparixxa mix-xena u ħalla vojt, li malajr ġie mimli minn ħaddieħor — mhux biex jerġa’ jagħmel il-fazzjoni kbira, iżda biex jibni waħda ġdida fuq l-irwiefen tal-qadima.

Solo Sikoa, il-ġellied magħruf għall-approċċ sieket iżda vjolenti tiegħu, iddikjara lilu nnifsu l-mexxej ġdid tal-Bloodline. Ma kinitx biss bidla ta’ tmexxija — kienet kolp ta’ stat. Solo keċċa lil Jimmy Uso, emargina lil Jey, u ffurma alleanzi ġodda ma’ Tama Tonga u Tonga Loa. Biex isaħħaħ it-tmexxija tiegħu, Solo daħħal fis-sistema l-iktar arma potenzjalment perikoluża: Jacob Fatu, wieħed mill-aktar ġellieda brutali tal-familja Anoa’i. Fatu, b’passat imqanqal fl-indies u b’reputazzjoni ta’ mostru imprevedibbli, ħoloq terrur immedjat meta deher fuq SmackDown u ngħaqad ma’ Solo.

Għal xi ġimgħat, kollox deher li Solo u Fatu kienu qed jimxu bl-istess ritmu — mexjin lejn dominanza assoluta. Fatu għen lil Solo jirbaħ u jżomm il-United States Championship, u flimkien, mal-MFT (My Family Tree), bdew jeqirdu lil kull min kien relatat ma’ Roman Reigns: Kevin Owens, Randy Orton, u anke Cody Rhodes. Iżda, bħalma jiġri f’kull reġim mibni fuq biża’ u forza, il-qsim fil-fazzjoni beda jnissel il-paranoja.

L-episodju ta’ SmackDown tat-18 ta’ Lulju kien xokkanti: Solo Sikoa ġie arrestat fuq il-programm wara li kien ħareġ filmat li juri ħabta tal-karozza li ġie attribwit lil Fatu — iżda l-verità kienet mmanipulata minn Solo biex iġib lil Fatu fl-inkwiet.

Fl-istess waqt, l-ex-Tribal Chief Roman Reigns għamel ritorn drammatiku fuq Raw tal-21 ta’ Lulju, fejn kkonfronta lil Paul Heyman, li matul dan iż-żmien baqa’ jidher mhux ċert dwar fejn tinsab il-lealtà tiegħu. Ir-ritorn ta’ Roman ġie f’mument kruċjali — ftit ġimgħat qabel SummerSlam 2025, fejn il-ġlieda bejn Solo Sikoa u Jacob Fatu se ssir fi Steel Cage Match għad-WWE US Championship – battalja magħluqa, vjolenti u simbolika.

Iżda l-mistoqsijiet għadhom kollha miftuħa: Se jkun hemm tradiment ieħor f’din il-ġlieda? Kif ser tiżviluppa l-istorja bejn Jacob Fatu u Solo? Se jidħol Roman Reigns biex jerġa’ jieħu f’idejh il-kmand? U x’se jagħmel Paul Heyman – il-moħħ wara kollox – quddiem din il-kriżi?

Il-fans qed jiddiskutu b’mod intensiv fuq forums bħal Reddit, fejn ħafna qed jikkunsidraw li din hija l-aktar storja intensa fl-istorja moderna tal-WWE. Ħafna jsostnu li Solo qed jibni imperu aktar skur minn dak ta’ Roman, filwaqt li oħrajn jemmnu li Jacob Fatu huwa l-vera theddida – mhux biss għal Solo, iżda għad-WWE b’mod sħiħ. U min-naħa l-oħra, il-kult ta’ Roman Reigns għadu b’saħħtu: ħafna jridu jarawh jirritorna bħala l-veru Tribal Chief, biex jagħlaq dan il-kapitlu f’ġlieda ta’ livell mitiku.

B’dan kollu fl-arja, SummerSlam 2025 jista’ jkun mhux biss il-battalja finali tal-Bloodline, imma wkoll ir-rinaxximent jew it-tmiem tagħha għal dejjem. Il-ġlieda għall-poter għadha ma spiċċatx. Għalissa, hemm biss żewġ ċertezzi: ħadd mhu sikur, u il-Bloodline m’għadhiex kif kienet.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport