Thursday, April 17, 2025

Mid-Dinja tar-Wrestling : WWE Hall of Famer Malti Minn Ħal Balzan – Baron Mikel Scicluna

Aqra wkoll

minn Bradley Zerafa

Forsi mhux ħafna jafu, li fost tant u tant favoriti tagħna l-fans ta’ WWE, fid-WWE Hall of Fame insibu wieħed Malti, imwieled Ħal Balzan, bl-isem ta’ Baron Mikel Scicluna.

Scicluna għamel isem għalih innifsu bejn is-60s u s-70s, fejn fil-bidu tal-karriera tiegħu kien jiġġieled taħt l-isem Mike Valentino, qabel umbagħad mexa għal World Wide Wrestling Federation (WWWF), dik li llum nafuha aħjar bħala WWE, fejn hawnekk kien jiġġieled taħt il-karattru li l-aktar magħruf għalih, “Baron” Mikel Scicluna. Il-laqam “Baron” li jiġi Barun bil-Malti, kien simbolu ta’ rjalita’, liema simbolu kien ikompli jenfasizzah waqt li jkun ħiereġ fir-ring, fejn kien jilber mantell blu fuq spallejh.

Kien magħruf ukoll bħala wieħed li juża affarjiet li f’match normali huma meqjusin illegali għall-vantaġġ tiegħu, fejn primarjament kien juża mazz muniti biex jiddistratta r-referee.

Fid-WWWF l-akbar kisbiet li kellu kienu primarjament bħala Tag Team Champion, darba bħala  WWWF United States Tag Team Champion ma’ Smasher Sloan u darba bħala WWWF World Tag Team Champion ma’ King Curtis Iaukea.

Jibqa’ msemmi wkoll għall-konfronti li kellu bosta drabi ma’ żewġ ikoni ta’ dik l-era, Bruno Sammartino u Pedro Morales, kif ukoll fir-rebħa li kellu kontra Waldo Von Erich, fejn għelbu wara biss sitt minuti f’wieħed mill-akbar arenas fl-Amerka, Maddison Square Garden ġewwa New York. Inzerta wkoll kien parti mill-istorja, minħabba l-fatt li kien l-avversarju ta’ Gorilla Monsoon f’dak il-lejl ikoniku ta’ meta l-boxer Muhammad Ali daħal jaffaċja lil Monsoon f’attentat biex ixejjirlu daqqa ta’ ponn.

Irtira mix-xena tar-wresling fl-1983 u f’Novembru tal-1987 ha sehem f’Legends Battle Royal, li kien rebaħa Lou Thez.

Kien imbagħad fl-1996 fejn Scicluna ġie mħabbar bħala wieħed minn dawk li se jiġu inducted fid-WWE Hall of Fame, fejn fost oħrajn dik is-sena kien hemm ukoll inklużi “Superfly” Jimmy Snuka, Patt Patterson, u Vincent J. McMahon, li jiġi missier Vince McMahon.

Fl-irtirar tiegħu, Scicluna għex il-kumplament ta’ ħajtu f’Pittsburgh, Pennsylvania fejn kien ukoll ħadem bħala xufier ma’ New York Times, qabel ma’ fl-2010 tilef il-battalja kontra l-kanċer fil-pankrea.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport