Il-kumpanija MIDI. fi stqarrija li ħarġet, rrikonoxxiet l-istqarrijiet li saru dwar Monoel Island u qalet li dawn komplew iżidu l-għajta għal reviżjoni tal-proġett propost fuq din il-gżira.
L-istqarrija tgħid li l-kumpanija MIDI qed tħares l-obbligazzjonijiet tagħha kif stipulat fl-emfitwesi, iżda fl-sistess ħin uriet ir-rieda li tidħol f’diskussjonijiet kostruttivi mal-Gvern. Qalet li dan lesta tagħmlu sakemm ikun aċċertat l-interess pubbliku u ta’ dawk li għandhom l-ishma fil-kumpanija.
Ġie nnutat ukoll li d-direzzjoni tal-Gvern biex din il-gżira tkun park nazzjonali u għalhekk MIDI lesta tasal fi ftehim. Hi nnutat li l-prijoritajiet llum huma differenti minn dawk ta’ meta ngħatat il-konċessjoni lura fis-sena 2000.
Intant fl-aħħar sigħat saru aktar sejħiet biex Manoel Island tittieħed minn idejn l-iżviluppaturi u tinbidel f’park nazzjonali. Wara l-petizzjoni minn kważi 30,000 ċittadin, li ġiet ippreżentata fl-aħħar jiem, xejn inqas minn 270 akkademiku u professjonist talbu li dan isir fl-aħjar interess tal-poplu Malti u Għawdxi.
L-akkademiċi u l-professjonisti mill-Università ta’ Malta iddikjaraw li dan hu mument deċiżiv għal pajjiżna biex tingħata prijorità lis-sostenibbiltà ambjentali, is-saħħa pubblika u l-ġid nazzjonali għalissa u għall-futur.
Huma ħeġġew lill-Gvern biex iqis mill-ġdid il-futur ta’ Manoel Island bħala spazju naturali miftuħ għall-pubbliku, bħala opportunità biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet urġenti ta’ pajjiżna u l-prijoritajiet pubbliċi attwali fil-kuntest ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura.
Dan anke fl-isfond tal-impatt serju fil-bidla fil-klima u t-telf tal-biodiversità, filwaqt li jgħin favur is-saħħa mentali u fiżika, għat-titjib tal-kwalità tal-arja u iżjed spazji miftuħa għal attività fiżika u l-mistrieħ.
Saħqu kif ir-realtajiet ta’ pajjiżna nbidlu minn 25 sena ilu meta Gvern Nazzjonalista ta l-konċessjoni fuq l-art ta’ Manoel Island.
Huma irrakkomandaw li l-Gvern jerġa’ jeżamina l-konċessjoni ta’ Manoel Island, fid-dawl tal-obbligi kuntrattwali li ma twettqux min-naħa tal-konsorzju MIDI, kif qed isir, jieħu lura s-sit biex ikun tal-poplu u jiddikjara l-post bħala żona protetta.