Saturday, May 17, 2025

Miexi b’rata mgħaġġla x-xogħol ta’ rinnovar estensiv fid-Dar tal-Anzjani tal-Imtarfa

Aqra wkoll

Id-Dar tal-Imtarfa, magħrufa bħala Dar il-Ġmiel, ilha toffri kura u appoġġ lill-anzjani għal aktar minn 25 sena. Fid-dawl tal-bżonnijiet dejjem jikbru f’soċjetà li dejjem qiegħda tikber fl-età, l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità bdiet proġett ta’ rinnovazzjoni estensiva, bil-għan li tgħolli l-istandards tal-kura u l-kumdità f’din id-dar residenzjali tal-Gvern.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, flimkien mas-Segretarju Permanenti Renzo De Gabriele, żaru u raw il-progress tax-xogħol f’din id-Dar, fejn irringrazzjaw lit-tim tal-AACC għall-impenn tagħhom biex din il-binja titgawda mill-ġdid f’kundizzjonijiet moderni u aktar dinjitużi.

“Din mhijiex sempliċi manutenzjoni, iżda investiment maħsub u strutturat sabiex ngħollu l-livell tal-kura, l-indipendenza u l-kumdità tal-anzjani tagħna. Qed naraw mhux biss titjib strutturali imma wkoll tiġdid li se jbiddel ukoll il-mod ta’ kif inħarsu l-benesseri tal-anzjani fil-kura residenzjali,” saħaq is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea.

Il-proġett hu maqsum fi stadji sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-inkonvenjent għar-residenti, b’ħafna mix-xogħol qed jitwettaq mill-ħaddiema tal-AACC. Sa issa tlesta waterproofing ġdid, installazzjoni ta’ ġeneratur kbir li jkopri s-servizzi kollha tad-Dar, sar rinnovar tar-reception u l-uffiċini tal-amministrazzjoni kif ukoll tal-kappella, u bdew ix-xogħlijiet fuq il-boiler, il-pajpijiet tal-ilma, kmamar tar-residenti u kmamar tal-banju, għamara, u s-sistema tan-nurse call.

Fil-ġimgħat li ġejjin, il-ħidma se tkompli bi proġetti li jinkludu bdil ta’ pajpijiet maġġuri, sistema ta’ arja kundizzjonata ġdida, aktar tibdil  ta’ għamara u bibien u kċina kompletament rinnovata.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport