Monday, November 3, 2025

Miexi b’ritmu mgħaġġel ix-xogħol fuq iċ-Ċentru Parrokkjali taż-Żurrieq

Aqra wkoll

Wara snin ta’ abbandun, bil-konsegwenza li ma setax jintuża, iċ-Ċentru Parrokkjali taż-Żurrieq, għaddej minn trasformazzjoni totali bil-għan li jerġa’ jibda jitgawda mill-għaqdiet volontarji tal-lokal.

Waqt żjara mis-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia lill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, seta’ jara li x-xogħol ta’ riġenerazzjoni ħolistika għaddej b’ritmu mgħaġġel tant li fix-xhur li ġejjin ser ikun jista’ jerġa’ jibda jintuża mill-Parroċċa kif ukoll mill-għaqdiet volontarji Żrieraq.

Akkumpanjat mill-Arċipriet tal-Parroċċa Dun Daniel Cardona, is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia enfasizza l-importanza ta’ dawn ix-xogħlijiet f’dan iċ-Ċentru Parrokkjali li għal snin twal ma setax jintuża mill-komunità minħabba l-istat li kien jinsab fih. Farrugia spjega kif għaż-Żrieraq dan iċ-Ċentru jfisser post fejn il-popolin jista’ jiltaqa’ u jikkrea ruħu f’attivitajiet diversi.

“Għall-Gvern, il-Parroċċi u l-għaqdiet volontarji ta’ kull lokal iġorru importanza f’dak li għandu x’jaqsam il-formazzjoni u t-tisħiħ tal-komunitajiet fil-qalba tal-lokalitajiet tagħna. Fil-fatt ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fiċ-Ċentru Parrokkjali taż-Żurrieq ser iwasslu biex il-komunità taż-Żurrieq ikollha post aċċessibbli, sigur u sabiħ fejn tkun tista’ ttella’ diversi attivitajiet biex il-komunità tkun tista’ tingħaqad,” ikkonkluda Farrugia.

Min-naħa tiegħu l-Arċipriet Dun Daniel Cardona, filwaqt li rringrazzja u faħħar ix-xogħlijiet li qegħdin isiru mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, aċċenna kif ġaladarba tkun lesta r-riġenerazzjoni ħoltistika ta’ dan iċ-Ċentru, ser jerġa’ jibda jservi bħala post fejn il-Parroċċa kif ukoll l-għaqdiet volontarji jistgħu jorganizzaw attivitajiet biex insibu jitlaqqgħu flimkien f’sens sħiħ ta’ komunità.

Il-Perit tal-Parroċċa Daniel Darmanin spjega kif id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qiegħed iwettaq xogħlijiet ta’ sistemi sanitarji ġodda u sistemi ġodda tal-elettriku, twaħħil ta’ madum, infrastruttura ġdida għall-installazzjoni ta’ lift, sistemi ġodda ta’ awdjo kif ukoll sistema tas-sigurtà fost xogħlijiet oħrajn.

Matul iż-żjara attendew is-Sindku Rita Grima flimkien mad-Direttur Ġenerali l-Perit Stephen Bonello.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport