Tuesday, November 11, 2025

Miexi x-xogħol fi ġnien storiku ġewwa l-Qrendi

Aqra wkoll

Il-Ġnien tal-Kmand fil-Qrendi, wieħed mill-aktar spazji storikament sinifikanti f’din il-lokalità, qiegħed jingħata ħajja ġdida permezz ta’ proġett ta’ restawr u riġenerazzjoni. Dan il-ġnien, li jmur lura għal żmien il-Kavallieri, kellu għal snin twal funzjoni kruċjali fl-immaniġġjar tal-ilma permezz tal-ġibjuni u s-sistema ta’ irrigazzjoni. Illum dan il-ġnien għandu valur kulturali u komunitarju uniku bħala spazju miftuħ.

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u l-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli, flimkien mas-Sindku tal-Qrendi David Schembri u l-Viċi Sindku Anthea Sacco, żaru x-xogħlijiet ta’ restawr u riġenerazzjoni li bħalissa qed isiru minn Project Green b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni.

Il-Ministru Owen Bonnici qal, “Ġnien tal-Kmand mhuwiex biss ġnien storiku, iżda wkoll spazju ta’ importanza fundamentali għall-Qrendi, dan hu wieħed minn ħolqa ta’ proġetti fejn permezz ta’ restawr dawn il-postijiet jerġgħu jingħataw lura lill-komunità bħala spazji miftuħa pubbliċi,” spjega l-Ministru Bonnici.

“Bil-proġett tal-Ġnien tal-Kmand qegħdin nagħtu lura spazju ambjentali li għandu storja fil-qalb il-komunità. Dan hu eżempju ieħor – wieħed minn bosta proġetti oħra li bħalissa għaddej ix-xogħol fuqhom – ta’ kif nagħmlu l-ambjent parti minn ħajjitna ta’ kuljum. Dawn il-ġonna u parks huma wkoll mod kif nenfasizzaw is-sabiħ ta’ pajjiżna, ingawdu l-lokalitajiet tagħna u napprezzaw il-ħin flimkien,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Il-Ġnien tal-Kmand fil-Qrendi nbena fil-bidu tas-seklu 19 mill-Kummissarju Ċivili Sir Alexander Ball. Il-ġnien huwa mqassam f’żewġ partijiet, b’passaġġi u siġar taċ-ċitru li jsawru dan il-ġnien. Il-proġett qiegħed jippreserva l-elementi storiċi tal-ġnien filwaqt li jerġa’ jagħtih funzjoni ambjentali u rikreattiva għall-komunità. Ix-xogħlijiet li qegħdin jiġu mwettqa jinkludu tiswija tas-sistema ta’ irrigazzjoni, tneħħija ta’ ħaxix ħażin u tindif ġenerali, filwaqt li ġiet iffurmata maze li hija attrazzjoni ta’ dan il-ġnien. S’issa, inġabar madwar 1.5 tunnellata ta’ skart. Fit-tieni fażi tal-proġett se jkompli jsir xogħol estensiv ta’ restawr, kif ukoll tħawwil ta’ siġar.

Il-proġett ikopri żona ta’ madwar 1,600 metru kwadru, b’investiment ta’ aktar minn miljun ewro. L-għan ewlieni hu li l-ġnien jerġa’ jiġi restawrat kollu b’mod sħiħ biex jerġa’ jitgawda mill-pubbliku u jirrifletti l-identità kulturali tal-lokalità.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport