Saturday, February 14, 2026

Miexi x-xogħol fil-Fgura District Park

Għaddej ix-xogħol fuq żewġ ġibjuni għat-tisqija tal-ġnien fil-Fgura

Aqra wkoll

Għaddej b’ritmu tajjeb ix-xogħol fuq proġett ta’ spazju miftuħ li jkopri aktar minn 40,000 metru kwadru fl-inħawi tal-Fgura.

Il-proġett, magħruf bħala l-Fgura District Park (Park l-Inħawi), se jibdel żona kbira fi ħdan il-Fortifikazzjonijiet tal-Port f’park, mimli ħdura u adattat għall-użu ta’ kulħadd, b’benefiċċju għall-ambjent u għall-komunità.

Il-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli u l-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi żaru s-sit flimkien mas-Sindku tal-Fgura Clayton Cascun u t-tim ta’ Project Green.

Dan il-proġett se jgħaqqad il-ħarsien tal-ambjent ma’ spazji ta’ divertiment u mistrieħ, bil-għan li jinħoloq post miftuħ u aċċessibbli għan-nies.

“Fil-Fgura qed naħdmu fuq spazju li hu kbir daqs sitt grawnds tal-futbol, jiġifieri għandek aktar minn 40,000 metru kwadru. Il-ħsieb tagħna hu li niftħu dan il-proġett f’fażijiet differenti. Hemm diversi xogħlijiet li jridu jsiru għaliex irridu li dan il-proġett jingħaqad ukoll mal-Park ta’ San Klement biex nagħtu spazju mill-ikbar u mill-isbaħ propju fl-inħawi tal-Fgura, lokalità densa ħafna. Ix-xogħol għaddej u l-pjan tagħna hu li nibqgħu għaddejjin b’dan ir-ritmu ħalli nkunu nistgħu nwasslu l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett malajr kemm jista’ jkun,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal li permezz ta’ investiment ta’ madwar €2.8 miljun b’appoġġ minn fondi Ewropej, dan il-proġett se jagħti ħajja ġdida lil aktar minn 40,000 metru kwadru ta’ spazju pubbliku miftuħ. Huwa sostna li l-intervent se joffri ambjent sigur u aċċessibbli għall-komunità, b’faċilitajiet għat-tfal, spazji ta’ rilassament u passaġġ pedonali li jgħaqqad il-Fgura mal-Kottonera, filwaqt li l-iżvilupp ikun ibbażat fuq prinċipji ta’ sostenibbiltà u l-ħarsien tal-ambjent naturali.

Ix-xogħlijiet ilhom għaddejjin xhur u komplew javvanzaw. Għaddej ix-xogħol fuq ġibjuni li ħa jkunu qed jintużaw għat-tisqija ta’ ġnien kif ukoll xogħlijiet relatati mas-servizzi taħt il-passaġġi, fosthom il-wajers tas-CCTV, kif ukoll tindif ġenerali tas-sit. Bħalissa qed isiru wkoll xogħlijiet biex jinbena taraġ li se jgħaqqad il-partijiet tal-park ta’ San Klement flimkien mal-Park l-Inħawi.

Il-proġett se jinkludi wkoll żona apposta għat-tfal, b’tagħmir ġdid, sigur u adattat għall-etajiet differenti, biex it-tfal ikunu jistgħu jilgħabu u jissoċjalizzaw flimkien. Se jkun hemm ukoll spazju għall-pikniks, b’bankijiet u dell mis-siġar li qed jitħawwlu.

Fil-viċinanzi tal-mina ta’ Bormla nbena sump biex jinġabar l-ilma tax-xita li normalment jinġema’ f’din iż-żona. Minflok jintilef, dan l-ilma se jinġabar, jiġi ffiltrat u jerġa’ jintuża bħala parti mill-provvista tar-riżervi tal-ilma, b’mod sostenibbli u responsabbli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport