Art li kienet ilha mitluqa għal żmien twil, li qabel kienet tintuża bħala maħżen taż-żejt fil-Birgu, qed tinbidel fi ġnien pubbliku ta’ 1,500 metru kwadru biex isservi bħala spazju komunitarju aħdar.
Id-dettalji tal-proġett ġew diskussi waqt żjara fil-post mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli, is-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Glenn Bedingfield, il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC) Gino Cauchi u membri tal-kunsill lokali tal-Birgu inkluż is-Sindku John Boxall.
“Huwa importanti li nkomplu nirrestawraw spazji mitluqa b’mod li jservu l-bżonnijiet tal-preżent filwaqt li nissalvagwardjaw il-bżonnijiet tal-futur. Din iż-żona kienet ilha vojta għal aktar minn għaxar snin u llum qed inbiddluha f’ġnien sabiħ. Dan huwa proġett ieħor li juri kif żoni mitluqa jistgħu jerġgħu jingħataw il-ħajja bħala spazji ħodor li jsaħħu l-komunitajiet u l-ambjent tagħna. Filwaqt li qed noħolqu dan il-ġnien qed nagħtu wkoll għan ġdid lil din iż-żona storika; wieħed li jipprijoritizza s-sostenibbiltà, il-valur għall-komunità u l-aspett naturali tal-Port il-Kbir. Billi nintegraw elementi favur il-klima, inżidu aktar siġar, u niżguraw immaniġġjar responsabbli tal-ilma, qed nuru kif ir-riġenerazzjoni tista’ tirrispetta kemm il-wirt storiku tagħna kif ukoll l-ambjent,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Is-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield qal, “Dan il-ġnien jimxi id f’id mal-istrateġija tal-Kottonera li fassalnieha flimkien mar-residenti fis-snin li għaddew, sabiex dan il-ġnien jitgawda minn kull min iżur din il-lokalità.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-GHRC Gino Cauchi, qal “Bħala Korporazzjoni ddiskutejna mal-kunsill lokali fejn rajna x’kienu l-ħtiġijiet tal-lokal, u saru l-pjanti ta’ dan il-ġnien. Illum qegħdin f’stadju avvanzat tax-xogħlijiet. Hawn ser ikollna ġnien b’40 siġra, mijiet ta’ arbuxxelli, bankijiet fejn jistgħu jpoġġu l-viżitaturi, u żona fejn il-kunsill lokali ser ikun jista’ jorganizza diversi attivitajiet soċjali għal kulħadd.”
Is-sit, li darba kien parti mill-fortifikazzjonijiet taż-żmien il-Kavallieri, ġie mfassal mill-ġdid fi żmien il-ħakma Ingliża meta l-hornworks esterni twaqqgħu biex jagħmlu spazju għal maħżen taż-żejt mill-baħar. Wara li ġie żarmat u twaqqa’ mill-awtoritajiet Maltin fl-2010, iż-żona ġiet mgħottija bil-konkrit u tħalliet vojta.
Fiċ-ċentru ta’ dan il-ġnien ġdid hemm arena ovali ta’ 400 metru kwadru li se tippermetti lir-residenti u lill-viżitaturi jorganizzaw attivitajiet u avvenimenti komunitarji. Il-bqija tal-ispazju qed jiġi mibdul f’passaġġi mdawra bil-pjanti Mediterranji, bi pjanti u siġar li qed jitħawlu biex jinħoloq ambjent sabiħ. Żoni bl-imwejjed għall-pikniks u bankijiet ser ikunu taħt id-dell tas-siġar tal-arżnu, hekk kif id-dell huwa essenzjali għall-kumdità tal-viżitaturi u għall-użu fit-tul tal-ispazji pubbliċi miftuħa fil-klima ta’ pajjiżna.
Fil-Fatt, sabiex tiġi indirizzata ż-żieda fit-temperaturi u l-pressjonijiet tal-ilma, il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir inkorporat strateġija sostenibbli għall-ħamrija u l-irrigazzjoni. Il-ġnien qed jinbena b’bażi ta’ ħamrija ta’ 50 ċentimetru mgħottija b’saff ta’ żrar ta’ tmien ċentimetri, metodu li jnaqqas it-telf tal-ilma, jappoġġja l-flora indiġena u jnaqqas il-ħtiġijiet ta’ manutenzjoni.

