Wednesday, September 3, 2025

Miexi x-xogħol fuq it-trasformazzjoni tal-impjant ta’ Sant’Antnin fi spazju aħdar għall-pubbliku 

Aqra wkoll

Ftit xhur biss wara li f’Ġunju tħabbar proġett li se jittrasforma l-impjant ta’ Sant’Antnin f’Marsaskala fi spazju ġdid aħdar għall-pubbliku, il-membri tal-midja llum kellhom l-opportunità jżuru s-sit u jaraw il-progress li għaddej fuq l-ewwel fażi tal-proġett. 

Matul din iż-żjara, il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca taw dettalji dwar ix-xogħol estensiv li għaddej bħalissa bħala parti minn investiment ta’ €4 miljun f’din il-fażi inizjali. 

“Qed inwettqu l-wegħda tagħna li rroddu lura dan l-ispazju lill-pubbliku. Dan il-proġett mhux biss se jittrasforma impjant tal-iskart iżda se joħloq ukoll ambjent aħjar u aktar ekoloġiku għall-familji, it-tfal u l-komunità li jistgħu jgawdu,” qalet il-Ministru Miriam Dalli waqt din iż-żjara. Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca nnota l-progress li għaddej fil-post.

“Se nibqgħu ffukati fuq il-viżjoni tagħna li dan is-sit jinbidel f’wieħed mill-aktar spazji ħodor attraenti, edukattiv u sostenibbli f’Malta.” Bħalissa għaddej ġmielu t-tħaffir ta’ parkeġġ taħt l-art ta’ tliet sulari, li se jilqa’ fih ukoll faċilitajiet ta’ park and ride.

Għaddejjin ukoll xogħlijiet ta’ skavar għal għadira artifiċjali ta’ 4,200m2, li se tkun attrazzjoni ewlenija tal-park il-ġdid. Bdiet ukoll il-kostruzzjoni fuq tliet ġibjuni maħsuba biex jiġbru u jaħżnu l-ilma tax-xita, kif ukoll fuq il-ħajt li se jkun qed idur mal-periferija tal-park. Din il-fażi tifforma parti minn investiment totali ta’ €37 miljun, bix-xogħlijiet mixjin ’il quddiem b’mod kostanti u b’ritmu tajjeb. Ladarba din il-fażi tiġi finalizzata, tibda t-tieni fażi, li tiffoka fuq xogħlijiet ta’ landscaping, it-tħawwil ta’ siġar matura, u t-tkomplija tax-xogħlijiet fuq l-għadira artifiċjali, inkluż l-installazzjoni tas-sistema ta’ filtrazzjoni tal-ilma. 

Dan il-proġett jirrappreżenta pass sinifikanti biex jingħata skop ġdid lil din iż-żona biex tkun tista’ tinbidel fi spazju aħdar u aċċessibbli li jtejjeb l-kwalità tal-ħajja tar-residenti tal-madwar filwaqt li jappoġġja l-iżvilupp urban sostenibbli. Preżenti wkoll għaż-żjara kien hemm it-tim tal-proġetti ta’ WasteServ u rappreżentanti mill-kunsill lokali ta’ Marsaskala.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport