Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri lbieraħ filgħaxija fetaħ uffiċjalment l-avveniment Gozo 2050: A Journey Thorugh Time, esperjenza interattiva bi tliet kmamar fiċ-Cittadella Cultural Centre li tistieden lill-pubbliku biex jesplora l-preżent ta’ Għawdex u l-futur immaġinat tal-gżira. Dan l-avveniment, parti mill-Malta Vision 2050 huwa mmirat sabiex tkun involuta l-komunità kollha biex flimkien noħolqu l-futur tal-gżira Għawdxija.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “Gozo 2050: A Journey Thorugh Time mhuwiex biss wirja; huwa stedina miftuħa għal kull min iħobb lil Għawdex biex jipparteċipa b’mod attiv fit-tiswir tal-futur tiegħu. Permezz ta’ din l-esperjenza interattiva, aħna qed noħolqu pjattaforma fejn ideat ġodda jistgħu jiffjorixxu u fejn il-ħsibijiet ta’ kulħadd jistgħu jinbidlu f’azzjoni konkreta.”
Din l-esperjenza qed toffri vjaġġ immersiv mill-preżent ta’ Għawdex għall-viżjonijiet ta’ dak li jista’ jkun sal-2050, filwaqt li tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni attiva mill-viżitaturi. Dan l-avveniment li fetaħ ilbieraħ se jibqa’ miftuħ sal-20 ta’ Ġunju bejn id-9.00 a.m. u s-7.00 p.m. fiċ-Cittadella Cultural Centre.
Il-Ministru Clint Camilleri temm billi inkoraġġixxa lill-pubbliku biex iżur din l-esperjenza interattiva u jikkontribwixxi l-fehmiet tiegħu għall-futur t’Għawdex.
Għal aktar informazzjoni dwar dan l-avveniment u attivitajiet oħra f’Għawdex, wieħed jista’ jżur is-sit https://eventsingozo.com/events/. Biex jaċċessa l-aħħar avvenimenti wieħed jista’ wkoll iniżżel l-app tal-mobile: https://eventsingozo.com/mobileapp/.
Għal aktar dettalji dwar il-Malta Vision 2050 u sabiex wieħed jikkontribwixxi l-ideat tiegħu għall-viżjoni nazzjonali ta’ pajjiżna jista’ jżur envision2050.gov.mt.