Fil-qalba tar-raħal ta’ Ħal Kirkop, proprju fi Triq il-Kbira, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia, flimkien mal-Kappillan tal-Parroċċa Dun Martin Cardona, ħabbar li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ser ikun qiegħed jiskatta l-proċess biex id-Dipartiment jwettaq il-proġett ta’ zuntier ġdid għall-Knisja Parrokkjali ddedikata lil San Leonardu Abbati.
Matul iż-żjara, is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia inawgura wkoll żona pedonali ġdida li issa ser tgħaqqad maċ-ċentru ta’ dan ir-raħal u li tikkumplimenta l-estetika u l-wirt li jdawru lil din iż-żona.
“Trejqet is-6 ta’ Novembru, 559, hija żona pedonali ġdida li fl-aħħar xhur id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ħadem fuqha wara talba mill-Kunsill Lokali fejn issa ser tkompli tikkumplimenta lil dan ir-raħal b’wirt u storja kbira,” spjega is-Segretarju Parlamentari Farrugia.
Huwa żied jgħid kif minbarra s-sinerġija mal-kunsilli lokali, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi kompla saħħaħ l-impenn tiegħu mal-għaqdiet volontarji u għaqdiet ekleżjastiċi, biex ikun ta’ spalla b’diversi xogħlijiet. “Ix-xogħlijiet li ser inkunu qegħdin nagħmlu fuq iz-zuntier tal-Knisja huwa eżempju ieħor tal-impenn tagħna mhux biss lejn dawn l-għaqdiet iżda wkoll lejn il-preservazzjoni tal-wirt li jagħmilna ċittadini Maltin.”
Is-Segretarju Parlamentari kkonkluda jgħid li fl-aħħar xhur, bħala Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi embarka fuq għadd ta’ proġetti pedonali fil-qalba ta’ numru ta’ lokalitajiet, fosthom fil-Mosta, fiż-Żurrieq, f’Ħaż-Żabbar u issa wkoll f’Ħal Kirkop.
Is-Sindku ta’ Ħal Kirkop Matthew Agius Zammit irringrazzja lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għal ħidmiethom biex iċ-ċentru ta’ Ħal Kirkop issa għandu karatteristika oħra li tista’ titgawda mir-residenti.
Il-Kappillan Dun Martin Cardona esprima s-sodisfazzjon tiegħu għat-tħabbira li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ser ikun qiegħed jassisti fit-twettiq ta’ zuntier ġdid għall-Knisja Parrokkjali.