Friday, July 4, 2025

Miġbura 2,400 tunellata ta’ skart fis-sena fuq medda ta’ 16-il kilometru ta’ Stormwater Tunnels

Ħidma kontinwa li tolqot 70,000 abitant b’mod dirett u indirett

Aqra wkoll

Ta’ kull sena, il-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi jiġbru aktar minn 2,400 tunellata ta’ skart fuq medda ta’ 16-il kilometru ta’ Stormwater tunnels li jinsabu taħt l-art. Din il-ħidma, li ħafna mid-drabi mhux dejjem tidher, taffettwa pożittivament 70,000 abitant b’mod dirett u indirett.

Fi żjara li għamel is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia fil-faċilitajiet tan-National Flood Relief Project (NFRP) fil-Mosta, seta’ jara l-ħidma kontinwa li l-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi jwettqu taħt l-art biex jippreparaw lil pajjiżna għall-istaġun tax-xitwa.

Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia spjega kif, “Bħala Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, qed niżguraw li l-infrastruttura ta’ taħt l-art li tiġbor l-ilma tax-xita minn fuq l-art tkun regolarment imnaddfa b’manutenzjoni regolari biex dawn isaħħu u jiżguraw is-sigurtà tal-poplu Malti.”

Is-segretarju parlamentari qal li bħala gvern ser jibqgħu jaħdmu biex jaraw li dan l-investiment importanti għal pajjiżna jibqa’ f’kundizzjoni tajba u jiffunzjona kif suppost. “Dan mhux biss jirrifletti tmexxija responsabbli, imma wkoll viżjoni fit-tul għal Malta aktar reżiljenti u sostenibbli,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Farrugia.

Id-Direttur tal-Coastal and Stormwater Unit (CSU), fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Perit Mario Ellul spjega kif għas-snin li ġejjin ser ikunu qed jaraw li minbarra li jkomplu bil-ħidma ta’ bini ta’ culverts tal-ilma ġodda f’diversi lokalitajiet, ser iwettqu diversi proġetti għall-espansjoni ta’ din l-infrastruttura prinċipali b’żieda ta’ 4 kilometri ta’ kanali, mini u culverts kbar biex it-total jitla’ għal 20 kilometru ta’ infrastruttura prinċipali għat-taffija tal-għargħar.

Din l-infrastruttura ta’ mini, li għandha tul ta’ madwar 16-il kilometru, b’fond ta’ bejn 8 u 25 metru taħt il-livell tat-triq kif ukoll total ta’ 142 culvert li jiġbru l-ilma tax-xita mit-toroq għal dawn il-mini permezz ta’ xaftijiet. Dan in-netwerk huwa wkoll mgħammar b’94 filtru taż-żejt li jiffiltraw l-ilma qabel ma jinżel fil-mini. Infrastruttura oħra importanti li d-Dipartiment imantni huma l-kanali tal-ilma tal-Wied ta’ Ħal Qormi u il-Marsa kif ukoll dak tal-Qasab f’Birkirkara.

Minbarra x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tindif f’dawn il-mini, matul din is-sena, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, permezz tas-CSU, ħadem u qiegħed jaħdem fuq numru ta’ culverts ġodda biex tittaffa l-problema tal-għargħar f’numru ta’ żoni madwar il-pajjiż. Din is-sena qed isiru xogħlijiet fuq 2.3 kilometri ta’ culverts ġodda f’diversi lokalitajiet.

Xogħol ieħor li jsir mis-CSU huwa t-tindif ta’ ġibjuni f’żoni rurali. Fil-fatt fl-2024, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi wettaq xogħol importanti fuq numru ta’ ġibjuni li wassal biex aktar minn 13,000 metru kubu ta’ ilma tax-xita ma jintilifx u minflok jintuża mill-bdiewa għat-tisqija. F’dan il-qasam, it-taqsima qed tippjana wkoll diversi proġetti sabiex titkabbar il-kapaċità tal-ħażna ta’ dan l-ilma, bil-bini ta ġibjuni ġodda u b’restawr ta’ diversi ġibjuni li nsibu f’diversi lokalitajiet.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport