Il-Ministru Miriam Dalli, is-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield, flimkien mat-tim ta’ Project Green u d- Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni (CMD) Ramon Deguara, żaru s-sit tal-White Rocks fejn iltaqgħu mal-ħaddiema li bħalissa qegħdin iwettqu xogħlijiet estensivi ta’ tindif, tiżbir u tneħħija ta’ skart minn dan il-post.
Matul din iż-żjara ġie spjegat li s’issa tneħħew aktar minn seba’ miljun kilo ta’ skart mis-sit permezz ta’ 225 vjaġġ bit-trakkijiet. Din il-ħidma qiegħda titwettaq bħala parti mill-proċess biex iż-żona titnaddaf u titħejja għall-proġett tal-park nazzjonali li se jinħoloq f’dan is-sit.
Jinkixfu spazji li sa ftit ilu kienu litteralment mgħottija
“Wara d-deċiżjoni li White Rocks ma jsirx żvilupp fih imma minflok jinbidel f’park nazzjonali, waħda mill-ewwel affarijiet li għamilna kienet li għalaqna l-postijiet li jistgħu jkunu ta’ periklu għan-nies filwaqt li qegħdin niġbru ammont kbir ta’ skart li ntrema matul is-snin, partikolarment skart ta’ kostruzzjoni. Qegħdin nitkellmu dwar ammonti kbar ta’ skart li f’din il-ħidma konġunta bejn Project Green u CMD li qiegħed jitneħħa minn hawn u qed jinkixfu spazji li sa ftit ilu kienu litteralment mgħottija,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Is-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield irrimarka li dan huwa biss il-bidu tal-proċess biex is-sit jiġi riġenerat u miftuħ għall-komunità. “Sar ħafna xogħol u fadal ħafna aktar xogħol xi jsir għax dan huwa wieħed mill-proġetti li bħala Gvern qegħdin inħarsu ’l quddiem biex isir, għax għandna wegħda mal-poplu Malti u aħna dak li ngħidu nagħmluh,” kompla s-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield.
Il-ħidma ta’ tindif u preparazzjoni mistennija tkompli fix-xhur li ġejjin hekk kif il-Gvern qiegħed ikompli javvanza bil-pjanijiet biex il-White Rocks jinbidel f’park nazzjonali ġdid għan-nies.
Ix-xogħlijiet qegħdin isiru b’kollaborazzjoni bejn Project Green u d-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni (CMD).

