Jinħatar eżekuttiv ġdid ta’ Żgħażagħ Laburisti (ŻL) għas-sentejn li ġejjin. Miguel Abela ġie elett President tal-fergħa żagħżugħa tal-Partit Laburista waqt il-laqgħa ġenerali annwali ta’ ŻL, li saret f’Campus Hub fl-Università ta’ Malta.
L-eżekuttiv il-ġdid ta’ ŻL huwa magħmul minn 14-il membru ieħor li huma: Ruslana Barbara – Viċi President; Trisianne Oliva – Segretarju; Giuseppe Gatt – Deputat Segretarju; Maxilin Pisani – Uffiċjal Finanzi; Gabriel Sciberras – Uffiċjal Politiku; Mario Fenech – Uffiċjal għall-Informazzjoni; Alec Farrugia Cachia – Uffiċjal Internazzjonali; Mohamed El Bakry – Uffiċjal Organizzattiv; Jessica Schembri – Uffiċjal Riżorsi Umani; 5 membri uffiċjali – Gilmour Borg, Thomas Cilia, Mikael Balzan, Joseph Giordimaina, u Luca Schembri.
Fl-ewwel diskors tiegħu bħala President ta’ ŻL, Miguel Abela qal li Partit Laburista fil-Gvern għamel riformi kbar u ta’ spinta biex iż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom iktar fil-politika. Qal li l-Gvern u l-Partit Laburista qed jisimgħu l-ħsibijiet u x-xewqat taż-żgħażagħ u jemmen li bil-kontribut tagħhom Malta tista’ tkun l-aqwa fl-Ewropa f’oqsma varji, fosthom fl-ekonomija, fl-impjiegi, fil-benefiċċji soċjali u d-drittijiet ċivili. Qal li miż-żgħażagħ ġew l-ikbar bidliet f’pajjiżna u għalhekk ħeġġeġ liż-żgħażagħ ikomplu jmexxu ‘l quddiem iktar l-ideat tagħhom biex imexxu lil pajjiżna fejn irid imur fiż-żmien li ġej.
Min-naħa tiegħu, Georvin Bugeja, li għadu kif temm il-kariga ta’ President ta’ ŻL, qal li jinsab grat li ngħata din il-fiduċja u kien ta’ unur għalih li mexxa din il-fergħa fl-aħħar 5 snin. Sostna li din l-esperjenza ssudatu fil-ħsibijiet u fil-prinċipji politiċi tiegħu. Filwaqt li ta rendikont tal-ħidma li saret minn ŻL fl-aħħar snin, spjega l-għadd ta’ pożizzjonijiet u proposti li ħarġet il-fergħa żagħżugħa tal-PL dwar temi varji. Iddeskriva l-ħidma li ssir minn ŻL bħala l-vuċi tal-progress u awgurali l-kumitat il-ġdid ikompli b’ħidma għall-ġenerazzjoni li jmiss.
Il-laqgħa ġenerali annwali ntemmet bid-diskors tal-President tal-Partit Laburista Alex Sciberras qal li l-partit irid jisma’ mingħand iż-żgħażagħ x’għandhom xi jgħidu dwar temi varji. Spjega li l-fergħa ta’ ŻL għandna nkunu kburin biha għax rawmet uħud mill-aqwa persuni f’dan il-pajjiż. Feraħ lill-eżekuttiv il-ġdid u appellalhom biex ikunu l-katalisti tal-bidla. Temm jgħid li l-Partit Laburista se jkompli jkun moviment li jkompli jikteb l-istorja.
Matul il-laqgħa ġenerali annwali bit-tema NxtGen ġew ippreżentati r-rapport amministrattiv u r-rapport finanzjarju, kif ukoll dak tal-kummissjoni elettorali. Intwerew messaġġi rrekordjati ta’ ex Presidenti u uffiċjali oħra li kienu jifformaw parti minn ŻL, fosthom tad-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba, il-Whip tal-Gvern Naomi Cachia, u tal-ex Deputat Mexxej Daniel Micallef dwar l-esperjenza tagħhom meta kienu President ta’ ŻL.