Saturday, December 21, 2024

Miguel Vassallo… akkwist ġdid u vitali bejn il-lasti ta’ Birżebbugia ASC

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn il-waterpolo?

Minn meta kont għadni żgħir, dejjem kelli mħabba lejn l-għawm u sport relatat miegħu. 

Meta kelli 10 snin, Neptunes kienu ssuġġerew li nibda nipprattika l-għawm qabel ma nkompli bil-waterpolo. 

Nista’ nghid li l-goalkeeper Jake Tanti kien protagonista assolut sabiex bdejt inħobb il-waterpolo. Wara s-sessjonijiet tal-għawm li kien ikolli, kien ikun hemm il-logħob tal-Youths fil-pitches, fejn mill-ewwel kien laqatni l-goalkeeper, Jake Tanti, li kien protagonista fil-lo­għob, tant li ħajjarni nibda nilgħab il-waterpolo, u anke nilgħab fil-pożizzjoni tiegħu. 

Irrid nirringrazzja wkoll lill-ewwel coach tiegħi Ġużi ‘l-Ors’ Attard li kien ħajjarni biex nibda l-waterpolo kif ukoll għeni nkompli nikber fil-logħba li tant inħobb.

X’tikkummenta fuq ir- riżorsi (pixxina) li fihom tit­trenjaw u tilagħbu f’Malta?

Għalkemm il-pixxina tin­żamm f’kundizzjoni tajba ħafna, ir-riżorsi huma skarsi, kif ukoll in-nuqqas ta’ pixxini oħra tillimita l-potenzjal li dan il-pajjiż jista’ jilhaq f’dan l-isport għax il-ħin ta’ taħriġ ikun limitat għal siegħa u kwart biss.

X’sagrifiċċji jinvolvi li tkun player tal-waterpolo?

Biex tkun player tal-waterpolo, is-sagrifiċċji huma kbar għax biex tilgħab trid tkun fl-aqwa kundizzjoni possibli. 

It-taħriġ ma jieqafx biss fil-pixxina imma trid taħ­dem ħafna wkoll fil-gym biex tilħaq ċerti livelli.  Nitkellem għalija, sagrifiċċju ieħor huwa meta jasal    tmiem il-ġimgħa wkoll. 

Meta kulħadd ikun qed jieħu gost, trid tibqa’ ftit lura minħabba li jkollok it-taħriġ jew il-logħob fil-ġurnata ta’ wara. 

Il-ħajja tiegħek trid tipprova iddawwarha madwar il-waterpolo sabiex tlaħħaq ma’ kollox kif ukoll tibqa’ titjieb fil-logħba. Noqgħod attent ukoll ħafna x’niekol sabiex ikolli l-aqwa fiżika meta jiġi l-perjodu tal-logħob.

Kif jirnexxielek tlaħħaq mat-taħriġ, l-istudju u mal- waterpolo?

Li nlaħħaq mat-taħriġ u l-istudju hi waħda mid-diffikultajiet li nħoss il-piż tagħha. 

L-istudju u t-taħriġ huma żewġ affarijiet li joħdulek ħafna enerġija u ħin minn ħajtek. Biex tlaħħaq sew, irid ikollok time management tajjeb ħafna. 

Fiż-żmien tal-iskola, nipprova nistudja fil-breaks ta’ bejn il-lectures, kif ukoll nipprova ma naħlix ħin fuq il-mobile, u nieħu l-isport bħala break mill-istudju.

Trid tagħmel ukoll sagrifiċċju li tkompli tistudja wara t-taħriġ, f’ħin li fih ħafna minn nies ikunu reqdin jew qed jirrilassaw.

Fi tmiem il-ġimgħa, fejn ħafna jeħduh bħala mistrieħ mill-ġimgħa li tkun għaddiet … minflok trid ittella’ x-xogħol tal-iskola tal- ġimgħa li tkun għad­diet sabiex ma taqax lura fix-xogħol.

Kif tiddeskrivi l-aħħar staġun tiegħek ma’ Ta’ Xbiex kemm għalik personali kif ukoll bħala team? 

F’għajnejja, l-istaġun li għadda kien ta’ suċċess kbir ma’ Ta’ Xbiex, li ma setax ikun possibbli mingħajr l-għajnuna tal-coach Christian Presciutti li għen lil kull individwu jikber għalkemm kellna team ta’ etá medja ta’ 15-il sena u għalhekk wieħed kien iqis dan it-team bħala underdog team. 

Għalija, kien unur kbir li kelli lill-coach Christian Presciutti bħala l-coach tie­għi, għaliex huwa wieħed mill-iktar players dekorati fl-istorja tal-waterpolo, u għalhekk għeni ħafna biex intejjeb il-logħba tiegħi.

Għalkemm konna team żgħir, morna tajjeb ħafna bħala team, tant li spiċċajna t-tielet fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni b’reb­ħiet fuq timijiet ta’ qawwa bħal Sirens, u kważi lħaqna l-finali tan-Knock-Out.

Sfortunatament, ma   stajtx inlesti l-kampjonat u n-Knock-Out għax kont imradt u t-tobba kienu qaluli li aħjar ma nissugrax inkompli nilgħab il-kampjonat. 

Individwalment, ħassejt li din l-esperjenza għenitni nikber ħafna, kif ukoll ġibdet l-attenzjoni ta’ ħafna clubs lokali.  

Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida ma’ Birzebbugia ASC?

L-ewwelnett, nixtieq nie­ħu l-opportunitá biex nirringrazzja lil Birzebbugia li tant emmnu fija u tawni l-opportunitá biex nuri x’naf f’dan l-isport, kif ukoll nuri li nista’ nilgħab fl-ogħla diviżjoni tax-xena lokali għalkemm għadni żgħir fl-etá u r-rwol ta’ goalkeeper huwa wie­ħed kruċjali u meqjus bħala l-pożizzjoni li trebbaħ jew ittellef il-logħba. 

Din l-esperjenza qed inħares lejha b’mod ta’ sfida sabiex nikseb posti fost l-aqwa players hawn Malta. 

Bl-għajnuna tal-coach Pierre Borg u sħabi, naħseb li nista’ nikseb dak li rrid, kif ukoll nilħqu l-proġett li qed nimmiraw għalih flimkien. 

Dan huwa l-bidu tal-proġett imma jien ċert li sa ftit tas-snin oħra, Birzebbugia se tkun qawwa fix-xena lokali tal-waterpolo, kif ukoll tikkompeti għar-rebħ tal-unuri.

Taqbel mas-sistema tal-play-offs?

Għalija, is-sistema tal-play-offs hija waħda li naqbel magħha. Dan għaliex din is-sistema tħalli ħafna bibien miftuħa għal kull club biex jilħaq l-aqwa li­vell possibli sabiex jibqa’ Premier u b’hekk ħadd ma jkollu postu garantit. 

Bil-play-offs, il-kampjo­nat jibqa’ miftuħ sal-aħħar ġurnata tal-kampjonat u għalhekk iżomm lill-partitarji akkaniti. 

Li hemm ftit negattiv dwar din is-sistema, hi li jekk team ikun staġun sħiħ konsistenti, u toħroġlu logħ­ba ħażina fl-aħħar       stadji tal-kampjonat, dan jiġi penalizzat u għalhekk dawk il-logħob li jkun lagħab qabel, ikunu intlagħbu kollha għalxejn.

Tqis li fil-futur tissejjaħ mill-coach Karl Izzo biex imbagħad tifforma parti mit-team nazzjonali Malti?

Bħalissa ninsab iffukat fuq it-team nazzjonali ta’ Taħt id-19-il sena li hu mmexxi mill-coach Anthony Farrugia u Dejan Ilic. 

Inħoss li għandi relaz­zjoni tajba ħafna mal-coach Karl Izzo, tant li taħt il-gwida tiegħu, dejjem iffurmajt parti mit-team nazzjonali fis-sezzjoni tal-Youths.

Jekk inkompli naħdem u nuri x’naf matul l-istaġun li ġej, naħseb li jkolli ċans nifforma parti mit-team nazzjonali tal-kbar. 

Din se tkun l-ewwel esperjenza tiegħi li nikkompeti fil-Kampjonat Premier fis-sajf u għalhekk din is-sena nista’ nara f’liema kategorija nista’ nilgħab.

Għalkemm il-pożizzjoni ta’ goalkeeper fiha ħafna kompetizzjoni għaliex hemm goalkeepers ta’ kalibru bħal Nicky Grixti, Jake Tanti u Alan Borg Cole, naċċetta l-isfida sabiex nipprova nifforma parti minn dan it-team u nilħaq il-li­vell mixtieq.

Tista’ tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera fil-waterpolo?

Il-messaġġ li nixtieq ngħaddi liż-żgħażagħ li jixtiequ jagħmlu karriera fil-waterpolo hu biex ma jaqtgħu qalbhom qatt, anke meta l-affarijiet ma jkunux qed imorru kif tkun pjanajthom. 

Tajjeb ukoll li dejjem jagħtu l-massimu tagħhom, imbagħad ir-riżultati jiġu waħedhom!

Ekonomija

Sport