Mija u ħamsin atleta ta’ kull età u livell, attendew għan-National Karate League li ġie organizzat minn The Malta Karate Federation nhar il-Ħadd, 2 ta’ April fil-kumpless St Aloysius Sports & Recreational f’Birkirkara. L-atleti pparteċipaw minn seba’ klabbs affiljati mal-MKF u kkompetew fi 53 kategorija, li minnhom 20 kienu Kumite u 33 Kata.
Dawn il-kampjonati nazzjonali kienu mmarkati b’sistema ġdida ta’ skor li ntużat għal Kata għall-ewwel darba matul dan il-kampjonat. Is-sistema l-ġdida hija konformi mal-linji gwida tal-WKF fejn l-imħallfin jallokaw il-punti lil kull atleta li qed jikkompeti skont it-teknika, is-saħħa u l-preċiżjoni.
Is-Sur Jesmond Schembri, Direttur Tekniku ta’ The Malta Karate Federation, ikkummenta dwar il-livell tekniku eċċellenti u l-isportiviżmu tal-atleti parteċipanti kif ukoll l-organizzazzjoni impekkabbli tat-tim tar-referees. ‘’Dan il-kampjonat nazzjonali kien opportunità biex jiġu identifikati atleti potenzjali li ġejjin filwaqt li għen fit-tħejjija tal-atleti stabbiliti għall-WKF Youth League fil-Kroazja li ġejja’’, qal is-Sur Schembri. Is-Sur Schembri żied jgħid li, ‘Kien ta’ pjaċir li nara lill-atleti żgħażagħ tagħna jirritornaw fuq it-tatami wara sentejn’.
Din l-attività reġgħet kienet immarkata minn Nick Mercieca, atleta tal-Para-Karate, li flimkien ma’ Emma Mizzi u Kaya Sultana Valentine, wettqu Kata ta’ livell għoli fix-Shotokan Karate. ‘Nick tant kien ta’ ispirazzjoni għalina lkoll,’ ikkummenta s-Sur Kenneth Abela, president tal-MKF.
Is-Sur Abela, temm billi rringrazzja lil dawk kollha li pparteċipaw u lil kull min għen biex dan l-avveniment ikun possibbli kif ukoll lil SportMalta u lill-Kumitat Olimpiku Malti għall-appoġġ kontinwu tagħhom. Huwa kkummenta li dawn l-aħħar sentejn kienu dawk li taw ħafna lezzjonijiet lil kulħadd u żied li kien ta’ serħan li fl-aħħar tara lit-tim kollu inkluż lill-atleti żgħażagħ lura fl-azzjoni u impenjati bis-sħiħ.