L-Erbgħa li għadda, rekord ta’ persuni – kważi 600 – inġabru għall-ikla tal-Milied tal-Caritas fil-Kurja tal-Arċisqof, b’madwar 100 voluntier jagħtu sehemhom biex seta’ jittella’ dan l-avveniment tant importanti għal dawn in-nies. Din l-ikla ssir bil-għan li tnaqqas is-solitudni.
Il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, il-Prim Ministru Robert Abela, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u l-Arċisqof Charles J. Scicluna żaru lin-nies preżenti għal din l-ikla.

Għal din l-ikla attendew ukoll residenti mill-Prison Inmates Programm u l-Komunitajiet Terapewtiċi ta’ San Blas, li kienu akkumpanjati mill-istaff ta’ Caritas Malta. Fl-istess waqt, tqassmu xi rigali għat-tfal kollha li attendew.

L-ikel għal din l-okkażjoni kien ippreparat minn The Alfred Mizzi Foundation filwaqt li dawk kollha li attendew ingħataw ukoll ħelu bnin u tradizzjonali mill-Kċina tal-President ta’ Malta.
L‑Ikla tal‑Milied, organizzata minn Caritas Malta, ilha ssir mill‑2015 fejn dakinhar mal-200 persuna kienu aċċettaw l-istedina ta’ Caritas, u kull sena iktar nies urew ix-xewqa li ma jqattgħux il-Milied weħidhom.

Waqt il-pandemija, l-ikla tal-Milied saret xorta waħda iżda l-ikel kollu tqassam fid-djar sabiex il-kuntatt man-nies ma jiqafx u ħadd ma jħossu waħdu.