Wednesday, April 24, 2024

Mijiet ta’ familji se jibbenifikaw minn tnaqqis fir-rata ta’ imgħax meta jixtru proprjetà

Aqra wkoll

Il-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli, flimkien mal-Bank APS, nedew l-inċentiv Loan-Up, li se jara mijiet ta’ familji jibbenifikaw minn tnaqqis fir-rata tal-imgħax meta dawn jixtru proprjetà.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes fisser dan l-inċentiv bħala strument finanzjarju ġdid li se joffri l-opportunità u t-tama lil mijiet ta’ familji biex dawn isiru sidien darhom.

Dan l-istrument finanzjarju se jara li s-suq ikun aktar aċċessibbli b’tali mod li jżid l-ammont li familji bi dħul baxx u medju jistgħu jissellfu biex jixtru proprjetà. Fil-fatt, familja li qabel setgħet tixtri proprjetà sa massimu ta’ €185,000, issa se tkun tista’ taċċessa proprjetà li tlaħħaq il-massimu ta’ €203,000.

Il-Ministru Galdes enfasizza li r-rata b’saħħitha ta’ homeownership f’Malta, tifforma parti sinifikanti mill-pilastru soċjo-ekonomiku ta’ pajjiżna. Kompla li r-rata ta’ 82% homeownership tikkonferma l-impenn tal-Gvern li jkompli jniedi skemi ġodda filwaqt li jsaħħaħ dawk eżistenti.

“Dan l-inċentiv ġdid, flimkien ma’ skemi oħrajn li daħlu fis-seħħ u saħħaħna fl-aħħar snin huma parti mill-ħidma li qed inwettqu biex ikunu indirizzati sfidi kurrenti kif ukoll niżguraw li l-prosperità tal-ekonomija robusta ta’ pajjiżna timmaterjalizza f’benefiċċji tanġibbli għall-familji,” stqarr il-Ministru Galdes.

Il-Ministru sostna wkoll kif din l-inizjattiva hija eżempju ieħor ta’ tkabbir sostenibbli u qed toffri soluzzjonijiet aktar affordabbli għas-settur tal-akkomodazzjoni.

“Writna settur tal-akkomodazzjoni staġnat, b’numru ta’ sfidi li ma kinux indirizzati. Bdejna nirriformaw u fl-aħħar snin wettaqna rivoluzzjoni soċjali li qed tagħmel differenza pożittiva fil-ħajja ta’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin. Impenjati li noħolqu akkomodazzjoni affordabbli għall-familji u individwi l-iktar fil-bżonn filwaqt li nagħtu l-appoġġ lil dawk li xtraw proprjetà b’mod indipendenti. Din il-bidla hija waħda pożittiva u sostanzjali biex ikollna settur tal- akkomodazzjoni aktar ekwu u sostenibbli,” temm jgħid il-Ministru Galdes.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport