Saturday, November 16, 2024

Mijiet ta’ Maltin allegatament ingidmu minn dealers li bagħbsu fil-kilometri ta’ vetturi impurtati mill-Ġappun

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waħda mid-deċiżjonijiet ta’ uġigħ ta’ ras li ħafna minna tagħtina kedda hija bla ebda dubju meta niġi biex nixtru vettura. Ħafna huma dawk li għalkemm ma jifhmux, jieħdu dawk il-pariri l-aktar bażiċi ta’ xi jridu jfittxu meta jmorru biex jixtru l-vettura tagħhom. Il-vetturi li jiġu impurtati normalment jintgħażlu fuq tliet kriterji li huma l-Kilometri li jkunu saru mis-sid jew sidien preċedenti, is-sena li tiklassifika kemm il-vettura hija moderna u l-kundizzjoni għax kif jgħidu l-ewwel ma tiekol l-għajn. Dawn bażikament huma l-fatturi li jiddeterminaw it-talba tal-prezz min-naħa tal-bejjiegħ.

Sorsi qrib dan is-sit infurmawna li fl-aħħar ġimgħat bdiet għaddejja investigazzjoni b’rabta ma’ allegat ingann minn xi dealers partikolari lokali li nqabdu jbagħbsu fil-Kilometri tal-vetturi li jimpurtaw mill-Ġappun. Spjegawlna li dan irriżulta minn sistema ta’ ċertifikazzjoni msejħa JEVIC li jista’ faċilment jaċċessaha kulħadd online (mingħajr l-ebda reġistrazzjoni jew ħlas) fuq https://members.jevic.com

Permezz ta’ dan is-sit kull min xtara xi vettura impurtata mill-Ġappun jista’ jdaħħal l-informazzjoni relatata mal-vettura mixtrija fis-sistema u fi ftit sekondi jkun jaf l-ammont ta’ Kilometri li s-sid jew sidien preċedenti kienu għamlu bil-vettura qabel din tkun telqet mill-Ġappun.

Is-sorsi qalulna li minn investigazzjoni personali li wettqu u li ta min joqgħod fuqha skoprew li dealers lokali kienu qegħdin allegatament jużaw proċess qarrieqi biex joħorġu ċertifikati foloz ta’ vetturi li jimpurtaw minħabba raġuni sempliċi.

Dan is-sit tkellem ma’ dealers lokali biex jivverifika dwar il-proċess ta’ kif jintgħażlu l-vetturi sakemm jaslu fis-showrooms tagħhom biex ibigħuhom. Kollox jibda minn irkant online fejn huma jitfgħu l-offerti tagħhom fuq vetturi li jinteressawhom skont il-kriterji li semmejna fil-bidu. Ġara iżda li xi dealers partikolari allegatament marru għas-soluzjoni faċli biex ikissru l-prezzijiet. Filwaqt li l-bqija kienu qegħdin ikunu jaraw kif jagħmlu l-aħjar negozju fuq vetturi f’kundizzjonijiet tajbin u bi ftit Kilometri, xi oħrajn partikolari kienu qegħdin imorru għal vetturi b’Kilometri li anke jaqbżu l-150,000 b’moħħhom mistrieħ li se jġibuhom b’irħas u jaqilgħu ferm iżjed f’pajjiżna.

Is-sorsi kkonfermaw magħna li d-dealers partikolari, mal-wasla tal-vetturi li jkunu għażlu minn qabel online, jaraw li l-vetturi li jkollhom f’moħħhom li se jnaqqsulhom il-Kilometri ma jkollhomx batterija u b’hekk meta jkunu qed jiġu ċċekjati jgħidu lill-uffiċjali li se jkunu qegħdin jgħaddulhom l-informazzjoni ladarba jiħduhom fil-postijiet fejn iżommu l-vetturi tagħhom. Li jiġri huwa li jeżisti proċess ta’ kif dawn il-Kilometri jiġu mnaqqsa u jinħareġ ċertifikat tal-ammont ġdid ta’ Kilometri indikat. B’hekk fi ftit sigħat vettura impurtata b’150,000 Kilometru, tista’ tara tnaqqis sostanzjali għal 20,000 Kilometru minħabba li l-kundizzjoni tal-body tagħha jkun għadha f’livell viċin il-perfezzjoni.

Is-sorsi qalulna li minn investigazzjoni li ilha għaddejja għal numru ta’ ġimgħat irriżulta li dan l-abbuż ilu jitwettaq għal numru ta’ snin issa, b’vetturi li ladarba ċċekkjati bil-JEVIC għad m’għamlux f’pajjiżna l-Kilometri skont dan iċ-ċertifikat maħruġ mill-Ġappun, anke jekk ilhom f’pajjiżna mill-2015. Talk.mt jinsab infurmat li l-investigazzjonijiet minn naħa ta’ Transport Malta jinsabu għaddejjin u li fi żmien xahar ġew evalwati l-vetturi kollha impurtati mill-Ġappun fl-aħħar sena u li minnhom instabu li kien hemm nuqqas ta’ qbil fil-Kilometri ta’ madwar 300 vettura.

Is-sorsi spjegawlna wkoll li f’pajjiżna jiġu impurtati mill-Ġappun madwar 500 vettura fix-xahar għal medja ta’ 6,000 vettura.

Ekonomija

Sport